Żewġ uffiċjali tal-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Ġnus Magħquda ddaħħlu l-isptar wara li tank Iżraeljan spara lejn torri ta’ osservazzjoni f’Naqoura, fejn qed topera l-missjoni l-ĠM fin-Nofsinhar tal-Libanu.
Din il-missjoni għaż-żamma tal-paċi tal-ĠM, bl-isem ta’ UNIFIL, ilha topera tul dik magħrufa bħala l-“Linja l-Blu”, li tifred il-Libanu u Iżrael mis-sebgħinijiet, b’mandat biex terġa’ tinkiseb is-sigurtà fiż-żona.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-militar ta’ Iżrael espanda bl-invażjoni tiegħu mill-art fin-nofsinhar tal-Libanu waqt li avża liċ-ċivili biex jilħqu jitilqu.
Jidher li s-suldati tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljani sparaw ukoll fuq bunker fejn dawk li jżommu l-paċi kienu qed jistkennu f’bażi oħra, fejn l-Erbgħa wkoll sparaw apposta lejn kameras tas-sigurtà li josservaw iż-żona. Il-Ġnus Magħquda fakkret li kwalunkwe attakk intenzjonat fuq dawk li jżommu l-paċi hu ksur gravi tal-liġi umanitarja internazzjonali.
Jidher li s-s-suldati midruba, li kienu Indoneżjani, ma weġġgħux b’mod gravi, iżda ttieħdu l-isptar għal aktar osservazzjoni.