Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda adotta formalment riżoluzzjoni ppreżentata minn Malta biex jissaħħu l-isforzi internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal f’żoni ta’ konflitti armati.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, laqa’ din ir-riżoluzzjoni bħala kisba sinifikanti għal Malta, hekk kif qed toqrob lejn tmiem it-terminu ta’ sentejn tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà, fejn it-tfal u l-konflitti armati kienu suġġett ewlieni tal-ħidma ta’ pajjiżna.
Ir-riżoluzzjoni Maltija, adottata bl-appoġġ ta’ iżjed minn 100 stat membru, ukoll tirrappreżenta pass ċentrali lejn it-trasferiment responsabbli tal-protezzjoni tat-tfal lit-timijiet tal-pajjiżi tal-Ġnus Magħquda u tafferma mill-ġdid ir-rwol kritiku tal-konsulenti tal-protezzjoni tat-tfal fil-mandati tal-missjonijiet.
Matul is-sentejn tagħha, fejn ippresediet il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà, Malta kellha rwol ċentrali fin-negozjar ta’ 11-il każ speċifiku għal pajjiżi relatati f’dan ir-rigward.