X’jiġri jekk tagħmel użu minn media soċjali jew tuża mobile app u tiltaqa’ ma’ intoppi? Lil min u kif se tfittxu?
Illum fi Brussell, Ministri Ewropej għall-Ġustizzja ddiskutew proposta għal servizz ta’ kontenut diġitali. Il-Presidenza Maltija rnexxiela tikseb progress sostanzjali mill-bidu ta’ din is-sena s’issa.
Kif spjega l-Ministru Owen Bonnici, qed isir avvanz fit-tip ta’ rimedju li jiġi offrut lill-konsumatur, f’każ fejn ikun hemm diżgwid ma’ min joffri s-servizz.
Il-laqgħa mexxiha l-Ministru Malti għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici bħala parti mill-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fost oħrajn, Ministri Ewropej għall-Ġustizzja iddiskutew il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Hawn il-Ministru Bonnici tkellem dwar problema ġdida; ir-ritorn ta’ terroristi barranin f’pajjiżhom.
Tkellmu wkoll dwar il-protezzjoni tal-Whistleblower u t-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Hawn, Malta tispikka għax hija fost dawk l-Istati Membri li diġà daħħlu fis-seħħ mekkaniżmu li jipproteġi lil dawn l-individwi.
B’referenza għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Ministru Bonnici qal li jkunu organizzati laqgħat tekniċi fil-ġimgħat li ġejjin. Dan għaliex ġie reġistrat ammont biżżejjed ta’ pajjiżi li jixtiequ li jaħdmu flimkien fuq dan is-suġġett.