“Għandna bżonn miżuri konkreti li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema, u l-kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, speċjalment f’dan il-perjodu li l-Ewropa qed tiġġieled it-tixrid tal-virus Coronavirus.”
Dan enfasizzatu l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, hekk kif ingħaqdet mal-bqija tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu fil-Parlament Ewropew f’ittra ta’ pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea.
Flimkien, il-Membri Parlamentari Ewropej saħqu li jridu jiġu assigurati kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, speċjalment dawk fit-trasport, li fiċ-ċirkostanzi, is-soċjetà Ewropea qed tiddependi aktar fuq xogħolhom għall-ġarr ta’ prodotti essenzjali.
Il-Membri Parlamentari Ewropej Soċjalisti fil-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu talbu lill-Kummissjoni tara li l-ħaddiema fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu li nqabdu barra minn pajjiżhom jiġu ripatrijati mill-aktar fis.
“Tlabna wkoll assigurazzjoni li d-drittijiet tal-leave u kundizzjonijiet oħra ta’ dawn il-ħaddiema jkunu mħarsa,” saħqet Dr Cutajar. “Fuq kollox, saret enfasi biex it-trade unions ikunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza.”
Fl-ittra tagħhom, l-Ewroparlamentari Soċjalisti saħqu li hemm bżonn aktar flessibilità fir-regoli dwar għajnuna mill-istat, speċjalment f’oqsma strateġiċi bħat-trasport, biex il-qawmien ekonomiku wara li jispiċċaw dawn ir-restrizzjonijiet, ikun spedit. Huma saħansitra talbu li l-Kummissjoni tippermetti lill-pajjiżi membri jipproteġu l-investiment barrani u jinnazzjonalizzaw oqsma kruċjali.
Josianne Cutajar, flimkien mal-bqija tas-Soċjalisti u Demokratiċi, tenniet is-sejħa għal baġit dedikat għat-turiżmu fil-qafas finanzjarju Ewropew għas-snin 2021 u 2027.