Bħalissa l-ġlied fl-Ukrajna jinsab staġnat minħabba li la l-Ukrajna u lanqas ir-Russja mhuma jagħmlu avvanzi sinifikanti f’din il-gwerra.
Dan qalu l-Kap tal-Aġenzija tal-Intelliġenza Militari tal-Ukrajna, Kyrylo Budanov, f’intervista li kellu mal-midja Ingliża BBC fejn spjega li bħalissa Kyiv qed tistenna iktar armi avvanzati mill-Punent.
Wara li t-truppi Ukreni reġgħu ħadu f’idejhom l-belt ta’ Kherson f’Novembru, kien hemm ħafna battalji ħorox u brutali li ħallew diversi nies mejta , l-aktar fir-reġjun tal-Lvant ta’ Donetsk.
Budanov qal li r-Russja mgħandhiex iktar fejn iddur wara li sofriet telf sinfikanti, iżda żied jgħid li l-Ukreni għad ma kellhomx riżorsi biżejjed biex jimxu ‘l quddiem f’diversi oqsma.
Huwa kompla jgħid li reċentament, waqfet ferrovija mimlija suldati Russi f’post qrib il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Ukrajna. Però din reġgħet telqet ftit tas-sigħat wara b’kulħadd abbord.
Din l-intervista saret biss ftit jiem wara li l-President Russu Vladimir Putin żar Minsk, il-belt kapitali ta’ Belarus.
Iż-żjara tiegħu qajmet spekulazzjonijiet li jista’ jipprova jikkonvinċi lill-President Alexander Lukashenko, biex jibgħat truppi tal-Belarus fl-Ukrajna.