Il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista minħabba l-aġir tal-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina fil-konfront tal-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-Parlament, issa nfirex fuq il-midja Nazzjonalista.
Waqt programm fuq ir-radju Nazzjonalista kienu d-diversi semmiegħa li rikbu fuq il-karru tal-mibgħeda, u fakkru, li l-aġir tal-Ispeaker tal-Kamra fil-passat m’għandhomx jintnesew.
“Insejna kemm iċ-Chairman tal-Parlament, insomma Farrugia, kemm ipprova kważi jikkalpesta l-Partit, dan insejnih?”
Semmiegħ ieħor offra l-appoġġ tiegħu lejn il-perċimess tal-kontroll tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, filwaqt li rrimarka li l-interventi ta’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti mhumiex xierqa.
“Xtaqt nagħti l-appoġġ tiegħi, u nuri solidarjetà ma’ Karol Aquilina, nittama li l-Partit kollu jinsab, m’għandix dubju ta, wara Karol Aquilina, però, isir ċertu manuvri minn ċertu individwi mid-Deputati stess, li jdejquni, jingħataw ċertu interventi, u ħa nsemmih ta’ għax m’għandi l-ebda problema nsemmih, minn Alex Borg.”
L-istess kien is-sentiment ta’ semmiegħa oħra.
“L-ispeaker ilu jagħtina bil-ħartiet, ma kellux għalfejn. Jien mhux se noqgħod ngħid kontroversja, jiena ngħidha ċara u tonda, Alex ħass li kellu jċempillu, Karol le.”
Fl-istess programm, ta intervent telefoniku stess id-deputat Nazzjonalista, Alex Borg, fejn ħareġ fiċ-ċar li l-attitudnijiet fil-Parlament kontra l-Ispeaker mhumiex xierqa.
“Però, jien dejjem emmint fil-politika ta’ rispett. Dione, jien dejjem nemmen li, minkejja ma naqblux, ma mmorrux għat-tajjir, immorru għar-rispett.”
Dakinhar stess, Borg mar kontra kliemu, meta mal-bqija tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista telaq ’il barra mill-kamra.
ĠURNALIST: “Onorevoli Borg, inti ddikjarajt li wrejt solidarjetà mal-Ispeaker, imma ħriġt mill-Parlament.”
ALEX BORG: “Għax konna ċari hux.”
Wara l-intervent li għamel Borg fuq ir-radju Nazzjonalista, semmiegħ ieħor ċempel u kkummenta.
“Le, fl-opinjoni tiegħi ma kellux jesprimi dik l-opinjoni, għaliex meta qed jesprimi u jgħid li jiena nemmen fid-diplomazija u li nġibu ruħna tajjeb, meta qed jgħid li hu jemmen hekk, ħaddieħor iġifieri mhux jemmen hekk.”