Minn jumejn oħra, Delimara 1, l-ewwel powerstation f’Delimara, se tkun dekummissjonat. Dan ifisser li mhux se tibqa’ fuq cold standby u se tintefa’ għalkollox.
Ħabbar dan il-Ministru Joe Mizzi waqt żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu fiċ-ċentru amministrattiv tal-Enemalta fil-Marsa.
Għaldaqstant, minn jumejn oħra, Malta mhux se jkollha l-alternattiva li tuża l-iktar żejt li jniġġeż, igifieri l-Heavy Fuel Oil.
Dan grazzi għall-investiment kbir li sar fis-settur tal-enerġija, li issa qed jaħdem bil-gass biss.
Waqt iż-żjara, il-Ministru żar lill-impjegati tal-Enemalta fiċ-ċentru tal-Marsa, biċ-Chairperson Fredrick Azzopardi jispjega l-irwol kruċjali li kull dipartiment għandu fi ħdan l-istess kumpanija.