Illum il-Knisja Kattolika tfakkar il-mewt tas-Sidna Ġesu Kristu.
L-obbligu tal-insara huwa li f’dan il-jum isumu u ma jiklux ħelu u laħam.
One News tkellem mal-istoriku Mario Coleiro li qalilna dwar din it-tradizzjoni.
Il-Ġimgħa Mqaddsa hija żmien importanti għall-insara; żmien ta’ sagrifiċċju bħala preparazzjoni għall-ikbar festa tal-knisja kattolika.
Ħafna nsara jsumu fl-erbgħin jum billi ma jiklux laħam u ħelu. Oħrajn isumu biss f’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira, jumejn ta’ sawm obligatorji.
Iżda fl-antik is-sawm kien jittieħed b’aktar serjetà. L-istoriku Mario Coleiro qal li kull nisrani kien obbligat isum billi jiekol biss ikla waħda, jew f’nofsinhar jew inkella filgħaxija.
Mario Coleiro – Storiku
“Jieklu tlett darbiet biss. Ikla waħda u te bla ħalib bil-lumi biex ma jkunx nuttrittiv. “
Mario Coleiro jispjega kif it-tradizzjoni li ma niklux laħam writnieha mingħand il-Lhud għax kienu jemmnu li l-laħam huwa xi ħaġa rikka u ta’ preġju li tieklu.
Mario Coleiro – Storiku
“Dawn kienu jemmnu li laħam ta’ valur. Flok laħam jittiekel ikel ieħor bħal ħxejjex. Torti tal-ħut u qaqoċċ mimli bħalissa.”
Dwar is-sawm, ONE News żar il-lokalità tar-Rabat fejn staqsa lin-nies jekk ma jsumux nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
“Insum, ija nsum, insomma mhux ħafna imma nsum, nipprova nsum kemm. Bħal illum le, mhux bħal illum biss imma r-Randan kollu. Nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Erbgħa ma niekolx laħam hu. Aħna nsumu u għadna ngħixu fi żmien l-antik”
Fost l-ikel li jieklu fil-Ġimgħa l-Kbira, in-nies semmew ħut u ħobż biż-żejt.
“Bħal illum x’tiekol? Xejn partikolari, normali u forsi nieħu xi ħaġa ħafifa u mhux forsi li se nieħu xi laħam jew hekk. Affarijiet bħal xi tonn taż-żejt u ħuta hu, mhux hekk hu, basta mhux laħam. Illum nieħdu xi ħut, pero’ min issa sa nofsinhar ma nieklux, nieklu xi ħaġa f’nofsinhar, min nofsinhar sas-sitta ma nieklux, nieklu fis-sitta u imbagħad sawmin sa’ nofsillejl … imbagħad għada tkun ġurnata normali.”
Mario Coleiro qal li fl-antik in-nies kienu jsumu sabiex ipattu għal dnubiethom.
Mario Coleiro – Storiku
“Illum narawh b’lenti differenti. Kawzi iktar ahjar tagħmel xi ħaġa ghal ġid milli int tiċċaħħad minn xi ħaġa. Tgħin lil xi ħadd hija iktar ta valur nahseb jien milli ma tiekolx.”
Il-preparazzjoni tar-Randan, iwassalna għall-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu mill-mewt, hekk kif nhar il-Ħadd niċċelebraw il-festa tal-Għid il-Kbir. L-akbar festa għall-knisja kattolika.