Għall-ħames darba, il-BBC Concert Orchestra se tkun qed ittella’ kunċert straordinarju bl-isem ‘Queen of Soul’, il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju fuq il-Fosos fil-Furjana.
Dan il-kunċert, li se jkun qed jikkonsisti minn madwar 70 mużiċist tal-ogħla kwalitá mill-BBC Concert Orchestra u sitt kantanti, se jkun qed jiġi ppreżentat mill-preżentatur ta’ fama, Trevor Nelson, li llum il-ġurnata huwa preżentatur fuq l-istazzjon tar-radju BBC Radio 2.
F’dan il-kunċert mistennija jipparteċipaw anke żeffiena Maltin.
Aktar minn hekk, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis, tħabbar li dan il-kunċert se jkun qed jiġi rrekordjat u se jkun qed jintwera lil miljuni ta’ nies fir-Renju Unit f’Ottubru li ġej.
L-għan tal-kunċert huwa li jintlaħaq standard ta’ kwalità għolja fl-organizzazzjoni, fil-mużika, u fil-kwalità tal-esperjenza għal dawk li se jkunu qed jattendu, inkluż kemm Maltin, kif ukoll it-turisti.
Dan ġie sostnut mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f’kelmtejn tal-okkażjoni, fejn saħaq ukoll li dan il-kunċert se jgħin jippromovi l-gżejjer Maltin fir-Renju Unit.
“Apparti minn hekk naraw kif, flimkien mal-BBC, inkomplu nagħmlu reklam lil pajjiżna lil hinn minn xtutna b’mod partikolari fis-suq Ingliż, li huwa wieħed mis-swieq l-aktar importanti għal pajjiżna f’termini turistiċi sabiex b’hekk aħna naraw li nkomplu nsaħħu l-industrija tat-turiżmu mhux biss mill-għadd ta’ numri iżda anke mill-għadd ta’ kwalità. Aħna rridu naraw li kull turist li jiġi f’pajjiżna jkun qed jonfoq iżjed flus hawn Malta sabiex b’hekk inkomplu nżidu l-introjtu ekonomiku f’pajjiżna grazzi għat-turiżmu illi mhemmx dubju li din is-sena qed jerġa’ juri riżultati tajbin ħafna.”
Il-Ministru Clayton Bartolo
L-aħħar ftit biljetti għall-kunċert tal-Ġimgħa jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit maltashows.com.