L-attivitajiet tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 komplew illejla b’ċerimonja ta’ għoti ta’ premjijiet fejn ingħata rikonoxximent lil uffiċjali pubbliċi li s-sena li għaddiet ressqu l-ideat tagħhom biex jitjieb l-operat tas-Servizz Pubbliku. Ingħata wkoll rikonoxximent b’rabta mal-miżuri ta’ simplifikazzjoni implimentati matul l-2018, kif ukoll rikonoxximent ieħor bit-titlu Ippjanar u Twettiq.
F’diskors li għamlet f’din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u saħqet kif huma strumentali biex bħala pajjiż ikompli jkollna riżultati pożittivi. Ferħet lil dawk il-ħaddiema fis-settur pubbliku li ssuġġerew ideat tanġibbli dwar kif is-servizz offrut lill-konsumatur jista’ jkun imtejjeb. Qalet li ħafna minn dawn l-ideat u miżuri ppremjati waqt iċ-ċerimonja wasslu biex tnaqqset il-burokrazija.
Is-Segretarju Parlamentari kellha kliem ta’ tifħir għal servizz.gov u spjegat kif dan se jkompli jiffaċilita l-ħajja tan-nies hekk kif mistenni li fix-xhur li ġejjin jirdoppja l-ammont ta’ uffiċini reġjonali li joffru servizz lill-pubbliku.