Nhar il-Ġimgħa li ġej se jingħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, bit-tema “Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek”.
Din is-sena l-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tkun waħda b’differenza, li tirrifletti ċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż f’dan il-mument. L-attivitajiet se jibdew nhar il-Ġimgħa li ġej, sal-25 ta’ Settembru.
Matul il-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se jkun qed jintefa dawl fuq l-isfidi tas-settur pubbliku għaż-żmien li ġej u kif minn dawn l-isfidi se jinħarġu opportunitajiet bħal bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol, iktar investiment fl-impjegati, iktar investiment fit-teknoloġija, u iktar innovazzjoni fil-provvista ta’ servizz lill-klijenti.
Fi stqarrija ntqal kif is-Servizz Pubbliku mhux biss jikkonsulta mal-klijenti tiegħu matul din il-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku iżda wkoll jgħarraf lill-pubbliku bil-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar snin u kif din il-ħidma wasslet biex qed jingħata servizz ferm aħjar milli kien jingħata.
Il-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku se tkun qed turi wkoll il-bażi li fuqha nbena u għadu qed jinbena s-servizz lill-klijenti u kif is-Servizz Pubbliku jagħti valur għoli lill-kontabbiltà fil-ħidma tiegħu.