Il-ġimgħa d-dieħla fil-Parlament se titressaq għat-tieni qari, il-liġi sabiex is-sess l-inqas rappreżentat fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ikollu kważi rappreżentanti ugwali daqs is-sess l-ieħor.
Fil-każ preżenti, bil-providimenti li se jidħlu f’din il-liġi proposta, se tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament sa minn wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan l-abbozz ta’ liġi qed jiġi meqjus bħala wieħed storiku u fil-messaġġ tiegħu għall-ewwel tas-sena, il-Prim Ministru Robert Abela tah importanza.
Fil-fatt il-Prim Ministru kien qal li dalwaqt se jidħlu bidliet biex nassiguraw iżjed preżenza tan-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament.
F’dan il-kuntest saħaq li jrid jara iżjed nisa f’pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar spjegat li l-abbozz ta’ liġi se jwassal biex iż-żewġ partiti jkunu jistgħu jtellgħu sitt deputati nisa kull wieħed li ma jkunux ġabu l-kwota elettorali.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet li fl-aħħar sebgħin sena, il-Parlament Malti baqa’ konstanti f’dik li huwa persentaġġ baxx ħafna ta’ nisa fil-politika.
Saħqet ukoll li dan l-abbozz rivoluzzjonarju fid-demokrazja huwa wieħed mill-bosta riformi sabiex jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Cutajar żiedet tgħid li l-ugwaljanza hija prijorità ewlenija għal dan il-Gvern, hekk kif permezz ta’ dan l-abbozz, mill-elezzjoni ġenerali li jmiss mistennija jkun hemm erbgħin fil-mija tal-kamra tad-deputati magħmula min-nisa.
Hija spjegat: “Permezz ta’ dan l-abbozz se nkunu qed inwasslu għal rappreżentanza aktar ugwali. Ma nistgħux nistennew li l-affarijiet jinbidlu waħedhom. Irridu nkunu aħna bħala Gvern li nbiddlu u għandna l-kuraġġ li nibdlu, għax fl-aħħar il-pajjiż għandu ħafna x’jiggwadanja mill-involviment tan-nisa fil-politika.”
Intant statistika tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-sessi, li ħarġet riċentament, innutat li l-liġi tal-kwota sabiex tiżdied ir-rappreżentanza tal-mara fil-Parlament kienet ta’ suċċess fi ħdax-il stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif dawn il-pajjiżi raw aktar nisa jiġu eletti fil-Parlament.