Bejn il-Ħamis, 4 ta’ Lulju u s-Sibt, 6 ta’ Lulju, il-Malta Drag Racing Association qed torganizza t-tielet rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali Drag Racing f’Hal Far Raceway. Dan ir-rawnd huwa unika fil-kalendarju tal-kampjonat peress li jiġi organizzat filgħaxija biex ittaffi l-kundizzjonijiet sħan li jkollna fix-xahar ta’ Lulju, u fl-istess ħin joffri esperjenza sabiħa għall-partitarji tad-Drag Racing u l-familji li jattendu biex isegwu t-tiġrijiet f’atmosfera differenti mir-rawnds l-oħra. Din id-darba, l-avveniment issemma Summer Shootout u huwa sponsorjat minn Ladmu Chassis Builder.
Il-pjan hu li fit-tlett ijiem kollha, il-bibien jiftħu fl-4 ta wara nofsinhar, u fl-ewwel jum, il-Ħamis 4 ta’ Lulju, fis-seba ta fil-għaxija, il-programm ikompli bl-ittestjar u s-setjar tal-karozzi, immedjatament wara jibda l-ewwel rawnd. Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju, fis-seba ta fil-għaxija, ikun hemm it-tieni, t-tielet, ir-raba, u l-ħames rawnd, u s-Sibt, 6 ta’ Lulju, għal darb’oħra fis-seba ta fil-għaxija, ikun hemm l-eliminazzjonijiet, semi-finali u l-finali. Fil-jiem kollha, il-bibien jagħlqu fis-1 am.