B’referenza għall-artiklu li deher fin-Nazzjon illum u għal rapporti mxandra f’Net News, il-Ministeru għal Għawdex kjarifika u ikkoreġa dak li ġie rappurtat.
Mhux veru li l-bieb taċ-Ċittadella mhux qiegħed jaħdem. Fil-fatt il-bieb qiegħed jinfetaħ u jingħalaq kuljum skont il-bżonn.
Mhux veru li l-bieb sewa €1,500,000. Fil-fatt il-prezz tal-bieb skont il-kuntratt iffirmat mid-Dipartiment tal-Kuntratti mall-Kumpanija Camray Co Ltd li rebħet l-offerta għax-xogħlijiet huwa ta’ €398,443.
Mhux veru li l-bieb inħadem mill-istess kumpanija li ħadmet il-qniepen tal-Katidral. Il-bieb inħadem mill-Kumpanija Ingliża UK Loco li huma sub-contractors tal-Kumpanija Camray Co Ltd. M’hemm ebda relazzjoni bejn il-kumpanija li ħadmet il-qniepen tal-Katidral u l-kumpanija li ħadmet il-bieb.
Mhux veru li l-muturi li jħaddmu l-bieb reġgħu ittieħdu lura biex jitranġaw. Il-muturi kollha jinsabu f’posthom u jintużaw kull meta jinfetaħ jew jingħalaq il-bieb.
Mhux veru li hemm xi problemi dwar il-purċissjoni ta’ Santa Marija nhar it-Tnejn li ġej. Il-bieb bħalissa diġa’ jinsab miftuħ kif mitlub u miftiehem mal-amministrazzjoni tal-Katidral u mas-Soċjetà Leone.
Il-Ministeru qal li jkun sewwa li qabel tiġi ppubblikata informazzjoni fil-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, l-editur jaċċerta ruhu li l-informazzjoni mogħtija lilu hija korretta b’rispett lejn il-qarrejja tal-gazzetta u s-semmiegħa tal-istazzjon.