F’rikors, li ressaq b’urġenza fil-Qorti f’Lulju tas-sena l-oħra, l-eks Deputat Nazzjonalista u l-Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi kien iddikjara – jew aħjar ivvinta – li kien għadu kemm ingħata informazzjoni sensittiva li tikxef ir-racket ta’ 18,000 karta tal-identità falz.
Fl-aħħar jiem, xhieda fil-Qorti mill-Pulizija wriet li kien hemm biss seba’ karti tal-identità ffalsifikati u dwarhom għaddejja kawża kontra żewġ persuni.
Il-gidba ġuramentata tiegħu wkoll tirredikolah hekk kif, fl-aħħar jiem, qal li ħadd qatt ma semma l-ammont ta’ 18,000.
Iżda, waqt li din l-invenzjoni tiegħu wkoll kellha “għomorha qasir”, bħal ħafna gideb ieħor fejn ried jgħaddi minn martirju anke lil ministri Laburisti u l-familji tagħhom, sadanittant Azzopardi laħaq bellagħha lill-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Kap Bernard Grech innifsu.
Azzopardi issa qed jipprova jċekken l-imbarazzament personali u r-rabja kontrih li rnexxielu jqanqal fil-Partit Nazzjonalista.
ONE News ukoll kixef fl-aħħar jiem kif Azzopardi wkoll inqabad mill-midja soċjali personali tiegħu fejn tkellem dwar skandlu li fih hemm involuti 18,000 ID Card.
Dan minbarra li, f’intervista mal-Lovin’ Malta, bis-soltu pożi u tentattivi ta’ xi ħadd li għadda mill-proċessi ta’ qdusija, qal hekk …
“L-implikazzjonijiet huma kbar ħafna … imma hawn qed nitkellmu fuq eluf ta’ nies, eluf kbar ta’ nies li rċevew u ngħataw minn Identity Malta …”.
Jason Azzopardi