L-allegazzjoni kienet ċara kristall. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Darren Carabott u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu ripetutament li nħarġu 18,000 karta tal-identità falza minn Identità.
Issa, fi stqarrija li ħareġ illum il-Partit Nazzjonalista, it-18,000 karta tal-identità ma ssemmew imkien. Iżda fl-istess ħin mhux talli ma skużax ruħu ta’ din il-gidba, iżda minflok ħareġ jattakka miżuri li ħadu l-awtoritajiet biex anke jekk ikun hemm imqar każ wieħed ta’ allegat abbuż ikun indirizzat.
Il-Partit Nazzjonalista ħa erbat’ijiem biex joħroġ b’din l-istqarrija mqanżħa li wriet b’mod ċar li mhuwiex interessat fit-tisħiħ tal-proċessi, imma jinteressah biss li jattakka l-awtoritajiet u jitfa’ t-tajn.
Però llum hemm ħaġa waħda li l-poplu mhux se jinsa.
Dan hu każ ieħor fejn il-Partit Nazzjonalista kien populist u opportunist. Kien każ ieħor fejn inqabad fil-ħażin u għax arroganti u supperv m’ammettiex.
Minflok qed ifittex l-iskużi biex jiġġustifika l-aġir tiegħu. F’daqqa waħda it-18,000 karta tal-identità li kien isemmi qed jinbidlu fi 18,000 skuża biex jipprova jiġbor ġieħu. Imma dan se jservi biex in-nies iktar jindunaw x’inhu.
Għalhekk tajjeb li nfakkru lil Bernard Grech u Darren Carabott fi kliemhom stess, anke billi nippubblikaw ftit mill-ħafna dikjarazzjonijiet li għamlu.
F’diskorsi pubbliċi, f’kitba wara l-oħra fuq il-midja soċjali, fuq il-midja u anke fil-Parlament, dejjem tkellmu fuq 18,000 karta tal-identità falza. Dan kollu hu on the record u ma jista’ jmerih ħadd. Saħansitra din l-allegazzjoni l-Partit Nazzjonalista, li ma jitlifx okkażjoni waħda biex iħammeġ lil pajjiżna barra minn xtutna, ħadha fil-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
Kienet xhieda fil-Qorti li wriet kif din kienet kampanja moqżieża oħra tal-Partit Nazzjonalista.
Hija ħasra li s-suppost kelliem ġdid iddakkar minn din l-istrateġija. Darren Carabott li jiddiletta fuq facebook, kien fost l-iktar li uża fid-dagħdigħa li għandu biex iġib il-likes u li tant talab riżenji, issa spiċċa jakkuża lil min kixfu li qed jattakkah personalment u hu jattakka x-xogħol tal-awtoritajiet. X’ipokrezija u arroganza!
L-Oppożizzjoni, Bernard Grech u Darren Carabott se jinżammu kontabbli ta’ kemm tefgħu tajn f’dan il-każ u l-ebda spin li ser jipprovaw jagħmlu mhu se jneħħi l-fatt li huma tkellmu dejjem fuq 18,000 karta tal-identità falza. Dik kienet gidba, li issa donnu mhux komdi jitkellmu dwarha. Peró l-poplu jiġġudikahom.