“Jien qed nagħmel din il-ħidma bħala il-ġest tiegħi ta’ imħabba lejn Bjorn u l-kawża nobbli tiegħu li jgħin lil ħaddieħor.”
Kliem Maria Muscat, l-għarusa ta’ Bjorn Formosa, li għandu l-kundizzjoni ALS.
Waqt serata organizzata fl-okkazjoni ta’ Jum Ħad-Dingli, l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli rrikonoxxa lil tliet persuni tas-servizz li jgħatu lill-Komunita’. Waħda minnhom Maria.
Affaċjati bil-kundizzjoni ta’ Bjorn, iż-żewġ żagħżagħ iddeċidew li jkunu proattivi. Maria hija l-amministratur ġenerali tal-ALS Malta. Hija tmexxi l-uffiċju tal-fondazzjoni fil-Ħamrun kif ukoll tidderiġi l-ħanut tal-karità tal-fondazzjoni u gallerija tal-arti. Barra minn hekk, tassisti lil Bjorn fl-affarijiet ta’ kuljum u takkumpanjah għal-laqgħat, fundraisers, attivitajiet u l-appuntamenti. Maria hija ukoll is-segretarja tal- bord tal-ALS Malta. Hija l-id il-leminija tiegħu u l-persuna ta’ referenza għall-fondazzjoni.
“Nemmen li jekk inkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni, xi darba żgur se nsibu kura għall-kundizzjoni ALS.
Inħossni onorata li rċevejt dan ir-rikonoxximent. Nemmen li x-xogħol li qed nagħmlu qed jiġi apprezzat.”
Maria appellat lil kulħadd biex ikompli jagħti appoġġ fil-missjoni tagħha.
Waqt l-istess serata ġiet rikonoxxuta ukoll Maria Theresa Camilleri għas-sens ċiviku tagħha. Ġieħ Ħad-Dingli ingħata lil Anna Galea, għall-kapaċita’ artistika tagħha u s-sens ta’ altruwiżmu fejn bi tbissima, b’umilta’, u determinazzjoni biex taqsam it-talenti tagħha ma’ ħaddieħor.
F’kumment li s-Sindku Sandro Azzopardi ta’ lil ONE News huwa spjega kif “din is-sena l-Unur ta’ Ġieħ Ħad-Dingli u r-rikonoxximenti li ngħataw ġew mogħtija lil persuni li mingħajr ebda daqq ta’ trombi jagħmlu ġid kbir fil-Komunità Dinglija jew lil dawk li jkunu fil-bżonn. J’Alla ikun hemm iktar persuni li jsegwu l-passi tagħhom ta’ alturizmu lejn persuni ohra u lejn il-lokal”.