Mill-lum, fil-Ġermanja ddaħħlet fis-seħħ il-liġi li permezz tagħha ġie ddikriminalizzat l-użu personali tal-kannabis.
Il-Ġermanja fasslet il-liġi tagħha fuq il-mudell Malti li daħal fis-seħħ f’Diċembru tal-2021.
Bħal Malta, il-liġi Ġermaniża qed tenfasizza l-użu tal-kannabis b’mod responsabbli b’kundizzjonijiet ċari fuq il-pussess u fejn din tista’ tiġi kkonsmata.
Fil-Ġermanja mil-lum wieħed se jkun jista’ jkollu fil-pussess tiegħu sa ħamsa u għoxrin gramma kannabis u simili għal Malta, persuni adulti fil-Ġermanja jistgħu jkabbru sa tliet pjanti fir-residenza tagħhom.
B’rabta mal-konsum, mill-ewwel ta’ Lulju li ġej, fil-Ġermanja se jkunu jistgħu jibdew jitwaqqfu assoċjazzjonijiet li jilqgħu fi ħdanhom sa ħames mitt membru.
Dan minbarra li, bħal f’pajjiżna wkoll, il-mudell implimentat fil-Ġermanja qiegħed ikun wieħed ċar b’enfasi fuq postijiet fejn wieħed jista’ jikkonsma l-kannabis li ma jkunux qed jippromwovu l-kummerċ, iżda jservu ta’ post sigur għal konsum.
B’hekk intqal kif il-Ġermanja mhux se tkun qed tadotta mudell bħal dak mħaddem fl-Olanda.