Il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni kitbet ittra deskritta bħala waħda ‘ħarxa’, lill-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, fejn tgħidlu li tinsab mistgħaġba li l-Gvern tiegħu qed iħallas lil diversi organizzazzjonijiet volontarji biex isalvaw lill-immigranti mill-Mediterran.
Din il-kwistjoni bejn iż-żewġ pajjiżi eskalat wara li l-għaqda kattolika Taljana Sant’Egidio qalet li ffirmat ftehim ġdid mal-Ġermanja sabiex tassisti lir-refuġjati fl-Italja.
Kelliem għall-Ministeru tal-Affarjiiet Barranin tal-Ġermanja, qal li l-Gvern Ġermaniż implimenta ‘programm ta’ sapport finanzjarju’ li jlaħħaq is- €790,000 biex fost l-oħrajn tissaportja lill-NGO SOS Humanity li twettaq operazzjonijiet ta’ salvataġġ u tiftix fil-Mediterran. Il-Ġermanja qalet kif “is-salvataġġ tan-nies mill-baħar huwa dmir legali u umanitarju.”
L-Italja għal darb’oħra tinsab fiċ-ċentru tal-kriżi tal-immigrazzjoni wara li aktar minn 11,000 ruħ waslu fil-gżira ta’ Lampedusa fi żmien ġimgħa, u b’hekk in-numru totali ta’ immigranti li daħlu l-Italja din is-sena diġà jammonta għal 133,000 – aktar mid-doppju tal-istess perjodu tal-2022.
Hawnhekk Meloni sejħet għal liġijiet b’saħħithom kontra l-immigrazzjoni irregolari.
Fl-Ittra lil Scholz, li ġiet ippublikata minnha stess, Meloni qalet “ninsab mistgħaġba li l-gvern tiegħek, bla ebda koordinazzjoni mal-gvern Taljan – allegatament iddeċieda li jappoġġja b’fondi sostanzjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu mal-immigranti irregolari fit-territorju Taljan, u dawk li jsalvaw fil-baħar Mediterran.”
Żiedet tgħid li flok dawn il-manuvri, “l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jiffukaw fuq soluzzjonijiet strutturali.”
Il-Prim Ministru Taljana kienet wegħdet li se tiddeporta minnufih lil dawk l-immigranti li jiġu miċħuda l-ażil.