Il-Ġermanja taqbel mal-patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni. Dan intqal mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż Heiko Maas, hekk kif tkellem mal-midja Taljana.
Il-Ministru Ġermaniż qal kif dan il-patt huwa bżonjuż, hekk kif hemm progress li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jaqsmu l-piż tal-immigrazzjoni.
Mal-midja Taljana, il-Ministru Ġermaniż qal li dawk il-pajjiżi li ma wrewx interess f’dan il-patt, għandhom jagħtu l-għajnuna tagħhom sabiex il-piż jinqasam bejn kulħadd.
Dan il-patt dwar l-Immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea kien tħabbar f’Settembru li għadda, mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, li kienet qalet kif il-pajjiżi l-aktar milquta mill-immigrazzjoni għandhom iserrħu fuq is-solidarjetà Ewropea.
Intant, matul din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Malti Robert Abela se jkun qed jieħu sehem f’summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn l-immigrazzjoni se tkun fuq nett tal-aġenda.
Il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu dan il-patt f’dan is-summit ta’ jumejn.