Minn għada l-Ġermanja sa tneħħi r-restrizzjonijiet ta’ vjaġġar mir-Renju Unit u erba’ pajjiżi oħra milquta mill-varjat Indjan Delta.
Dan tħabbar ftit tas-sigħat wara li l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ikkonferma li se jkun qed ineħħi r-regoli kollha relatati mal-COVID-19 mid-19 ta’ Lulju.
Intant, ir-restrizzjonijiet ġew imneħħija wkoll għall-persuni li jkunu ġejjin mill-Portugall, ir-Russja, l-Indja u n-Nepal.
Turisti li jkunu mlaqqma kompletament kontra l-COVID-19 mhux se jkunu obbligati li jagħmlu kwarantina; iżda, persuni mhux imlaqqma kompletament ikollhom joqgħodu fi kwarantina għall-għaxart ijiem, bil-possibilità li joħorġu qabel f’każ li jipprovdu test negattiv tal-coronavirus wara l-ħames jum mal-wasla tagħhom fil-Ġermanja.