Il-Ġermanja se testendi r-restrizzjoniniet tagħha sabiex trażżan in-numru tal-infezzjonijiet tal-coronavirus sat-18 ta’ April, filwaqt li se tagħmel ħamest ijiem ta’ lockdown strett matul il-jiem tal-Għid. Ħabbret dan il-Kanċillier Angela Merkel wara taħdidiet li ħadu fit-tul matul il-lejl li għadda mal-mexxejja reġjonali.
Il-lockdown se jidħol fis-seħħ bejn l-ewwel u l-ħamsa ta’ April.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Merkel qalet illi l-Ġermanja tinsab f’sitwazzjoni serja ħafna, kif ukoll żiedet tgħid illi l-pajjiż li tmexxi jinsab f’tellieqa kontra l-ħin biex ilaqqam il-poplazzjoni Ġermaniża kontra l-COVID-19.
Intant, iċ-ċentru nazzjonali Ġermaniż għall-kontroll tal-mard wissa illi n-numru ta’ infezzjonijiet qed jiżdiedu b’mod allarmanti, hekk kif il-varjant Ingliż qed jiddomina fil-Ġermanja.