Lejlet laqgħa urġenti mal-mexxejja reġjonali, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel qalet li l-pajjiż jinsab maħkum mir-raba’ mewġa “drammatika” tal-Covid.
Ilbieraħ fil-Ġermanja ġew irreġistrati rekord ta’ aktar minn tnejn u ħamsin elf każ f’ġurnata.
Bħalissa l-Gvernijiet Ewropej qed jiddiskutu din iż-żieda qawwija ta’ infezzjonijiet fil-kontinet.
Fil-Belġju tħabbru numru ta’ miżuri maħsuba li jevitaw lockdown. Fost l-oħrajn, tfal li għandhom aktar minn għaxar snin iridu jilbsu maskra. Saret ukoll mandatorja li jsir xogħol mid-dar għal erbat ijiem fil-ġimgħa.
L-Awstrija ħabbret lockdown għal madwar żewġ miljun persuna mhux imlaqqma fil-pajjiż.
Fl-Olanda bħalissa hemm lockdown parzjali.
Għall-ewwel darba, minn Diċembru li ġej, l-Iżvezja se tkun qed titlob għaċ-ċertifikat tal-vaċċin biex in-nies jitħallew jidħlu għal kunċerti u attivitajiet oħra fuq ġewwa.
Il-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis qal li kull min ma ħax il-vaċċin mhux se jitħalla jattendi attivitajiet tal-massa jew jieħu ċertu servizzi.
Is-Slovakkja wkoll qed tippjana miżuri simili, li fost l-oħrajn, fuq il-postijiet tax-xogħol u fi ħwienet ta’ servizzi mhux essenzjali jitħallew jidħlu biss persuni mlaqqma.