L-Erbgħa filgħodu ż-Żebbuġin qam sogħbiena hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Joe Attard magħruf bħala l-‘Ġermaniż’ fl-għomor ta’ 58 sena.
Attard indarab serjament f’inċident fil-kamra tan-nar ta’ San Ġuzepp f’Wied Qirda bejn Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi. Huwa ndarab flimkien ma’ Matthew Borg ta’ 26 sena meta kienu qed jaħarqu xi materjal antik biswit il-kamra tan-nar.
Waqt li l-kundizzjoni ta’ Borg qalbet għall-aħjar, il-‘Ġermaniż’ mastrudaxxa prim u magħruf sew maż-Żebbuġin, miet ħdax-il jum wara li kien ilu jissielet għall-ħajtu f’Mater Dei.
Malli dwiet l-aħbar ta’ mewtu, ONE news żar il-pjazza ta’ Ħaż Żebbuġ. Mal-bjut ta’ kull soċjetà sibna bnadar jittajru mezz’asta.
Tkellimna mas-Sur Victor Mizzi, mastrudaxxa bħal Attard li ddeskrivih bħala bniedem onest u kwiet.
“Kont immur għandu noqgħod nitkellmu, raġel tal-affari tiegħu u bravu”
Qal li ħajtu kienet tistrieħ fuq tlett pilastri, martu, il-ħanut tal-injam u l-kamra tan-nar li swietlu ħajtu. Qal li ftit tax-xhur ilu Attard kellu inċident ieħor li rnexxielhu jeħlisha ħafif minnu.
“Naħseb xi sena ilhu jew ftit anqas, kien tiela’ fuq ir-raff u waqa’ minn fuq ir-raff għall-isfel.”
Philip Said, qal li ma kellu l-ebda rimors li mela daru bl-għamara ta’ Attard.
“Kien tifel sewwa, itik parir kif għandek taħdem u jfehmek kollox. Qas kien jiġri warajk għal flus. Int trid tiġri warajh! Kien bniedem onest!”
Qal li karatteristika ewlenija ta’ Attard fix-xogħol tal-injam kienet il-perfezzjoni.
“Jaħdimlek għal qalbu kien, ma kienx minn dawn ejja ħa mmorru u jara l-flus. Il-flus l-aħħar għalih kienu.”
Il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan sellem il-memorja ta’ Attard b’filmat mill-isbaħ li juri l-imħabba kbira li kellu l-Ġermaniż lejn il-festa ta’ San Ġużepp.
Vella kien il-ħames persuna li tilef ħajtu fil-kamra tan-nar ta’ San Ġużepp. Fl-4 ta’ Lulju tal-2005, tlett irġiel mietu filwaqt li erba’ oħra ndarbu fi splużjoni kbira fl-istess kamra.
Spluzjoni oħra saret fl-istess jum ta’ 7 snin qabel, u fiha weġaw ħames persuni oħra, iżda ma miet ħadd. Inċidenti simili għal dan kien seħħ fl-1992 u fih kien miet raġel ieħor.