Il-Ġeologu Peter Gatt, li fis-snin li għaddew għamel ukoll studji dwar it-Tieqa tad-Dwejra, qal li ma tantx stanjna ngħamlu dwar it-Tieqa tad-Dwejra.
Waqt intervent fuq Net Television ikkonferma kif hu għamel studji fuq din it-tieqa u fih kien ikkonkluda li s-saqaf kien stabbli. Iżda, li ġara fis-sigħat li għaddew kien li waqa’ l-pilastru li kien qed iżomm it-tieqa u mhux is-saqaf.
“Kienet stuttura perikoluża li timxi fuqa,” qal Peter Gatt li nnota kif in-natura tatna sorpriża meta ġġarfet is-sieq u għalhekk waqa’ kollox. Innota kif fir-rapport tiegħu kien talab iktar moniteraġġ iżda llum kellu konklużjoni ċara.
“Ma tantx naħseb stajna ngħamlu. Kont titfa’ l-konkrit? Immaġinaw xi ħasara ambjentali kienet issir,” qal Gatt.
Fir-ritratt tidher it-tieqa tad-dwejra fis-snin tmenin.