Wara laqgħa deskritta twila, il-ġenituri li neħħew lit-tfal tagħhom minn skola primarja f’San Ġwann minħabba li għalliem fl-istess skola huwa omosesswali, issa l-ġenituri bidlu d-deċiżjoni tagħhom.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima fejn spjega li l-ġenituri bidlu l-fehma tagħhom u lil binhom se jħalluh fl-Iskola Primarja tal-Kulleġġ St Clara ta’ San Ġwann wara laqgħa li kellhom mal-amministrazzjoni tal-iskola u mal-għalliem innifsu, Stefan Vassallo.
Il-Ministru Grima sostna mat-Times li din l-iskola hija mgħammra biex tipprovdi l-aqwa edukazzjoni lit-tfal kollha ta’ San Ġwann. Huwa tenna li din is-sitwazzjoni se tkun qed toħloq komunità aktar b’saħħitha u tiżgura li t-tfal kollha jieħdu l-aqwa edukazzjoni li jixirqilhom.
Nhar l-Erbgħa din il-koppja ddeċidiet li titrasferixxi lil uliedhom fi skola oħra wara li ndunaw li binhom kien se jkun qed jiġi mgħallem minn Stefan Vassallo. Il-ġenituri tat-tfal qalu li ma għoġbithomx l-idea li dan l-istess għalliem kien ikollu basket b’qawsalla fuqu, simbolu għall-persuni LGBTIQ+ f’pajjiżna, għaliex huma familja konservattiva.
Qed jintqal li din il-famikja emigrat lejn Malta ftit tas-snin ilu għalhekk għandhom kultura u ideoloġiji differenti.
Sadanittant ilbieraħ stess, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-għalliem Stefan Vassallo. Il-Prim Ministru qal li “l-għalliema fl-iskejjel tagħna, huma min huma, jagħmlu ħafna ġid.”
L-Erbgħa filgħaxija Stefan Vassallo, ta l-ewwel kummenti tiegħu waqt il-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE u filwaqt li wera d-diżappunt għal dak li ġara, qal kif xorta waħda għandu rispett lejn il-ġenituri.
Aqra Iktar: