Jacob Flickinger kien raġel tal-familja, leali, u devot, li nqatel mill-Iżrael, waqt li kien qed jipprova jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Qalu dan il-ġenituri ta’ Flickinger, Amerikan, li kien fost sebgħa persuni li nqatlu, waqt li kienu qed jipprovaw iwasslu l-għajnuna umanitarja f’Gaża, f’isem l-għaqda World Central Kitchen, f’intervista mal-istazzjon Brittaniku, il-BBC.
Il-militar Iżraeljan, qal li dan kien żball traġiku, talab apoloġija, u wiegħed li se jkun hemm investigazzjoni.
Minkejja dan, il-ġenituri tal-vittma, qalu li l-mewta ta’ binhom kienet att kriminali, u m’aċċettawx din l-apoloġija.
Flickinger kien ukoll missier ta’ tifel ta’ sentejn.