Il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia bdew talba għad-danni fil-Qorti Ċivili kontra l-perit u l-kuntratturi tal-proġett fejn binhom spiċċa tilef ħajtu wara li waqa’ l-bini. Jean Paul Sofia tilef ħajtu meta fit-tlieta ta’ Diċembru tas-sena l-oħra ġġarraf bini f’Kordin fejn kien qiegħed fuq biċċa xogħol.
It-Times of Malta rrapportat kif, fi stqarrija tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, ingħataw dettalji dwar it-talba għall-kumpens fejn intqal ukoll li l-każ infetaħ bl-appoġġ ta’ numru ta’ avukati. It-talba hi għal danni morali u materjali li jista’ jkun hemm.
Jirriżulta li t-talba għad-danni mill-ġenituri Isabelle Bonnici u John Sofia saret kontra l-Perit Adriana Zammit, kontra Kurt Buhagiar u Matthew Schembri, li huma s-sidien ta’ AllPlus Limited li kienu qed iwettqu l-proġett, u l-kuntrattur Milomar Jovicevic u martu Dijana Jovicevic, li hi wkoll direttur tal-kumpanija responsabbli mill-kostruzzjoni.
Dwar il-każ diġà hemm kawża kriminali fejn l-istess ħames persuni huma akkużati bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia. Dawn il-ħames persuni tressqu l-Qorti wara li kienet tlestiet l-inkjesta maġisterjali u, ibbażat fuq dik l-inkjesta, inħarġu l-akkużi.
Fl-aħħar xhur għamlet ix-xogħol tagħha wkoll inkjesta pubblika, li semgħet diversi xhieda dwar dan il-każ u s-settur tal-kostruzzjoni u fix-xhur li ġejjin mistenni jkun ippubblikat ir-rapport tal-istess inkjesta pubblika.