Is-sistema ġdida ta’ moniteraġġ fejn kull ġenitur ikun jista’ jniżżel b’xejn app minn fuq il-mobile tiegħu biex ikun ċert li wliedu rikbu u niżlu minn fuq it-trasport tal-iskola, mwegħda mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol meta ħabbar il-miżura ta’ trasport tal-iskola għall-istudenti kollha b’xejn, bdiet tiġi introdotta b’mod gradwali.
L-ewwel fażi tinkludi t-tqassim ta’ ‘tags’ lill-istudenti kollha fil-kulleġġ t’Għawdex fejn l-ittestjar tas-sistema se jkun jinvolvi kampjun ta’ 52 student minn tliet skejjel f’Għawdex li huma l-Għarb, in-Nadur u x-Xaghra. F’dan l-istadju, l-ittestjar jibda fost l-istudenti biss fejn imbagħad wara din l-evalwazzjoni, in-notifiki jibdew jintbgħatu lill-ġenituri hekk kif l-istudenti jirkbu u jinżlu minn fuq il-vettura.
Din l-ewwel fażi bdiet fil-ġimgħat li għaddew fejn jinvolvi preparazzjoni u evalwazzjoni sħiħa li se twassal għat-tieni fażi tagħha. Ġaladarba kollox jimxi kif ippjanat, is-sistema se tinfirex u tibda titħaddem b’mod komplet madwar il-Kulleġġ kollu ta’ Għawdex jiġifieri fost 800 student.
Sadanittant, dan il-proċess ser ikun segwit kulleġġ wieħed kull darba fost il-kulleġġi kollha f’Malta.
Matul dawn il-jiem se jkun disponibbli ‘video tutorial’ dwar kif wieħed jista’ jniżżel l-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ġenituri fuq il-midja soċjali u fuq il-websajt tal-Ministeru stess.