Għal dawn l-aħħar għaxar ġimgħat, 7000 tifel u tifla attendew għal SkolaSajf ta’ din is-sena, immexxija minn 1,700 membru f’diversi ċentri mxerrda madwar Malta u Għawdex.
SkolaSajf fetħet il-bibien tagħha kważi 15-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ issoltu u waslet fi tmiemha Il-ġimgħa. Skolasajf differenti minn tas-soltu hekk kif daħlu fis-seħħ miżuri bħat-teħid tat-temperatura, maskra u l-użu tas-sanitizer.
Il-miżuri li ttieħdu waslu sabiex ma kien hemm ebda każ ta’ student jew edukatur li nfetta ruħu bil-COVID-19 mill-iskejjel.
One News żar skolasajf ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. Ġenituri li tkellmu magħna qalulna li kienu sodisfatti jaraw lil uliedhom jieħu pjaċir jattendu Skolasajf, f’ambjent sigur.
Qalulna li moħħhom mistrieħ li la tibda l-iskola fl-aħħar ta’ Settembru, uliedhom se jmorru jitgħallmu f’post sigur.
Tkellimna ma’ Gabriel Tabone u Leah Barr , żewġ studenti li esprimew l-gost li ħadu jattendu skolasajf wara li kienu ilhom minn Marzu ma jiltaqgħu ma sħabhom u jieħdu pjaċir flimkien.
Tabona qalilna, “Ħadt pjaċir nattendi għax kont lura mal-ħbieb u dejjem qadt attent biex nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u anke ta’ kullħadd għax kullħadd ried jieħu ħsieb ta’ xulxin”. Dan filwaqt li Barr stqarret, “Għall-ewwel ħsibt li minħabba l-covid-19 mhux ser inkunu qed nieħdu pjaċir pero xorta għamilna ħafna attivitajiet li ħadna pjaċir bihom.”
Waħda mill-Koordinaturi ta’ skolasajf fl-iskola San Bastjan, Christabel Mangion spjegat li saru diversi attivitajiet kemm fl-ambjent tal-iskola kif ukoll virtwali fosthom Cinema Day b’differenza.
Fil-fatt lill-istudenti li attendew skolasajf sarulhom aktar minn mitejn attività, mitejn u tmienja u tmenin sessjoni ta’ edukazzjoni fiżika kif ukoll ittellgħu madwar mitejn u ħamsin attività b’mod virtwali bil-kontribut ta’ tlieta u tletin sħab ta’ SkolaSajf.
Mangion spjegat, “Ma setgħux actually imorru ġo ċinema biex jaraw film imma setgħu jarawh hawnhekk fil-klassi tagħhom mal-istess grupp ta’ tfal li huma s-soltu jkunu magħhom ħalli ma jkunx hemm tfal minn klassijiet oħrajn. U ukoll kellna sessjonijiet virtwali ma partners tal-FES li saru fil-klassijiet permezz tat-teknoloġija.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi Dermot Galea tenna li l-preparamenti li saru mill-fondazzjoni kienu kruċjali sabiex joffru l-aħjar servizz b’mod sigur b’mod speċjali permezz tas-sessjonijiet virtwali.
Galea stqarr, “Kellna ħafna kummenti pożittivi ta’ kemm ħadu ħsieb it-tfal naħseb minn dak il-lat kienet SkolaSajf iktar pożittiva għal dan l-aħħar snin. It-tfal ħadu gost ħafna.”
Fi stqarrija l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici irringrazzja lil kulħadd tal-ħidma tiegħu qal li bl-impenn ta’ kulħadd u grazzi għal miżuri li ittieħdu matul Skolasajf ma kien hemm ebda każ ta’ student jew edukatur li nfetta ruħu bil-COVID-19 mill-iskejjel.
Dan juri l-mod rigoruż li bih dawk involuti mxew mal-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus.
Qal li meta f’okkażjonijiet individwali kien hemm edukatur jew student li nfetta ruħu bil-COVID-19 minn barra l-iskejjel, ittieħdu l-miżuri kollha minnufih, miżuri li ħadmu u kienu ta’ suċċess bil-koperazzjoni sħiħa tal-esperti tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.