Il-ġenituri u l-edukaturi se jkunu jistgħu issa japplikaw għal korsijiet online sabiex ikomplu jtjebu l-ħiliet tagħhom fil-kamp edukattiv u b’hekk jibqgħu jgħinu lill-uliedhom u lill-istudenti li bħalissa jinsabu fi djar minħabba l-COVID-19.
Ħabbret dan il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima, fejn qalet kif dan huwa pass ieħor min-naħa tal-Gvern sabiex f’dan il-perjodu partikolari, sfida tiddawwar f’opportunità għal iktar tagħlim utli għal kulħadd.
“Bdejna noffru sessions għall-ġenituri u edukaturi b’xejn mhux akkredidati sessions partikolari li jaħdmu fuq matematika, ortografija tal-Malti, awtiżmum, ADHD, fejn kemm il-ġenituri kif ukoll b’mod separat jistgħu japplikaw għalihom”
S’issa diġà applikaw madwar erba’ mija u tmenin ġenitur. Is-suġġetti li se jiġu koperti f’dawn il-lezzjonijiet huma dwar kif ġenituru jgħinu lit-tfal bl-awtiżmu fid-dar, kif tħajjar lit-tfal jaqraw u jiktbu, kif tgħin lit-tfal li b’diffikultajiet ta’ tagħlim, kif ittejjeb il-ħiliet matematiċi tat-tfal, kif nikkollaboraw mal-iskejjel u kif ittejjeb l-ortografija tal-Malti.
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif se jkun hemm sett ta’ lezzjonijiet indirizzati lill-edukaturi biex dawn jibqgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom. F’dawn il–lezzjonijiet, l-edukaturi jistgħu jitkellmu mal-lettur u bejniethom, jiddiskutu, jistaqsu u jagħmlu sezzjonijiet daqs li kieku qegħdin fil-klassi flimkien.
“Din hi opportunita tad-deheb biex l-għalliem waqt li jkomplu jgħallmu lil uliedna, jitgħalmu huma wkoll. U noffrulhom menu ta’ korsijiet illi bihom ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.”
Il-Ministru Bonnici spjega li kull taħrig li jagħmlu, l-edukaturi jakkumulaw is-sigħat ta’ tagħlim sakemm jgħaqqdu it-tlett mija u sittin siegħa u b’hekk ikunu jistgħu jipprogressaw għall-iskala li jmiss wara sitt snin flok wara tmien snin. F’inqas minn ġimgħa applikaw madwar mija u tmenin edukatur għal dawn is-sessjonijiet.