Il-ġenerali Russi huma frustrati bl-avvanz kajman mill-qawwiet Russi hekk kif il-forzi Ukreni komplew juru reżistenza liema bħalha.
Dan intqal minn uffiċjali għolja Amerikani li qed isostnu li s-suldati Russi se jkollhom jaġġustaw il-pjanijiet tagħhom hekk kif hemm bżonn iżjed truppi u wħud mit-tankijiet tal-gwerra spiċċaw bla fjuwil u jinsabu weqfin mingħajr ma jimxu ’l quddiem.
F’Kyiv in-nies ġew ordnati ma joħorġux minn djarhom sat-Tnejn u s-Sindku tal-kapitali Vitali Klitschko qal li kull min jidher barra fit-triq u mhux suldat Ukren, se jfisser li huwa għadu tal-Ukrajna.
F’Kharkiv, it-tieni l-ikbar belt fl-Ukrajna ntqal li l-qawwiet Ukreni waqqfu attakk mir-Russi u qerdu tankijiet tal-gwerra tar-Russja.
Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban qal li huwa qed jappoġġja s-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja u pajjiżi tal-Punent bħal Ġermanja qed jibagħtu iżjed munizzjon lejn l-Ukrajna.
Mexxej fir-reġjun taċ-Ċeċenja qal li se jibgħat ġellieda lejn l-Ukrajna biex jappoġġjaw lir-Russja.
Aktar minn 120,000 ċittadin fl-Ukrajna ħarbu lejn pajjiżi bħall-Polonja kawża tal-invażjoni Russa.