Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħadha qatta bla ħabel kontra l-Oppożizzjoni għall-kjass li pprruvat taqla’ fil-pajjiż li l-Gvern fl-2016 nefaq aktar minn kemm kien approvat fil-baġit.
Meta kien qed jintroduċi l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta miżuri tal-estimi, il-Ministru Scicluna qal li jekk il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-passat tiegħu, jintebaħ li mhix ġustifikata, meta l-estimi supplimentari għall-2016 huma 3.6% iżjed mill-baġit.
Fakkar li fl-2001, l-estimi supplimentari ta’ Gvern Nazzjonalista kienu 5.5% tal-bagit ta’ dik is-sena u dawn żdiedu għal 7.7 % fl-2004. Fl-2008 kienu agħar: rekord ta’ 16% tal-baġit.
Il-Ministru Scicluna qal li l-amministrazzjoni preżenti rnexxielha tnaqqas id-dejn billi kienet konservattiva fil-kalkoli tagħha meta pproġettat it-tkabbir ekonokiku u stabbiliet il-baġit.
Qal li l-ħolqien tal-impjiegi fl-aħħar tliet snin u nofs jirriflettu kemm kibret l-ekonomija. Dan ma kienx kumbinazzjoni iżda jagħmel ġieħ lill-ħidma tal-gvern.
Taħt il-Labour l-ekonomija kibret bi 15%, waqt li x-xogħol żdied bi 13%. Bejn Ġunju 2015 u Ġunju tas-sena l-oħra inħolqu 7,520 impjieg li minnhom 7,400 kienu mas-settur privat u 120 biss kienu fis-settur pubbliku, l-aktar fil-qasam tas-saħħa u dak tal-edukazzjoni.
Ħafna industriji, inkluż il-manifattura, irreġistraw żidiet.