Għadda s-sajf imma l-aptit għall-ġelat le. Tant li l-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur se tmur lura fiż-żmien biex tesplora u tesperjenza kif kien isir il-ġelat fis-Seklu 17 u 18.
L-attività ta’ Heritage Malta se ssir nhar il-Ħamis 13 u 20 ta’ Ottubru fis-7.30pm. Il-biljetti għal attivitajiet simili jkunu limitati u fil-fatt il-biljetti għall-attivitá tat-13 ta’ Ottubru huma mibjugħa kollha. Dr Noel Buttigieg se jagħti spjega u jesplora fuq dan is-suġġett, u se jaqsam ukoll riċetti Maltin minn din l-epoka mal-parteċipanti.
Dawn tal-aħħar se jkollhom l-opportunitá wkoll jesperjenzaw riċetti ta’ żewġ tipi ta’ ġelati mal-kok Josef Baldacchino. Bejn l-1664 u l-1759, il-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur kellha l-apparat meħtieġ biex taħżen is-silġ kif ukoll il-ġelat.
Sa l-1798, il-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur kellha biżżejjed kontenituri biex taħżen il-ġelat u jkun jista’ jitqassam lill-mistednin fil-palazz. Il-ġelat kien igħin lill-Maltin kif ukoll lin-nobbli jtaffu mis-sħana tas-Sajf. Il-produzzjoni tal-ġelat kienet possibbli grazzi għall-importazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ silġ minn Sqallija.
Fl-era tal-Barokk il-ġelat kien jipprovdi togħmiet u ikel ieħor differenti. Sa tmiem is-seklu 17, koki kienu saħansitra ppubblikaw kotba tar-riċetti kif għandu jsir il-ġelat. Fil-fatt fl-arkivji lokali hemm manuskritti bir-riċetti kif għandu jsir il-ġelat. L-attivitá fil-Palazz tal-Inkwiżitur se tkun esperjenza unika għal dawk li se jattendu.
Id-dħul minn din l-attività se jgħinu lil Heritage Malta terġa’ ‘tarma’ l-kċina b’apparat u affarijiet għal kif kienet fis-snin glorjużi tagħha. Il-parteċipanti se jingħataw ukoll kopja b’xejn tal-ktieb ‘Eighteenth Century Malta at a Glance’. Il-biljetti se jkunu €12 iżda l-membri ta’ Heritage Malta jibbenefikaw minn prezz ridott ta’ €10.