Il-Ġebla ta’ Majmuma ser tittieħed għall-wiri fil-Mużew taċ-Ċiviltà Iżlamika f’Sharjah, fl-Emirati Għarab Magħquda għat-tliet xhur li ġejjin.
Dan l-iskambju li huma l-ewwel tax-xorta tiegħu mal-Emirati Għarab Magħquda ser isegwi replika li intweriet fid-Dubai Expo, f’Diċembru li għadda.
Din il-ħidma hija frott ta’ ftehim bejn il-pajjiżi bil-għan li jippromwovu l-koperazzjoni fil-oqsam kulturali, riċerka u skampbji professjonali.
Il-Ġebla ta’ Majmuma tmur lura sas-sena 1174 fi żmien il-ħakma Għarbija f’Malta.
L-artifatt hu skolpit b’kitba Kufika l-ġmiel tagħha li turi talba dwar il-mewt ta’ tfajla Musulmana li kien jisimha Majmuma.
Jingħad li l-ġebla, li hija l-unika waħda tax-xorta tagħha, instabet bejn ix-Xewkija u Ta’ Sannat, Għawdex fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Majmuma.
L-Ambaxxatriċi Maltija għall-Emirati Għarab Magħquda, Marija Camilleri Calleja, tenniet kif dan l-artifatt jmur lura għal żmien meta pajjiżna kien jagħmel parti mill-emirat magħruf bħala Al Moaheddin li tfisser ‘in-nies li jemmnu f’Alla wieħed’.
Camilleri Calleja kif illum il-ġurnata din il-ġebla tirrapreżenta relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech tkellmet dwar l-importanza tal-memorandum f’oqsma kulturali bħal dan li jiftħu għadd kbir ta’ possibilitajiet ta’ koperazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit tenna l-impenn tal-entità biex tagħmel aċċessibbli l-kolezzjoni nazzjonali mhux biss għal dawk li jżuru gżiritna imma anki għal udjenzi internazzjonali.