Il-Prodott Domesitku Gross (GDP), f’termini reali, żdied b’5.2%. Dan kien ikkonfermat minn statistika ppubblikata mill-Uffiċjju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Estimi proviżorji jindikaw li għall-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-GDP ammonta għal €2,185.6 miljun, żieda ta’ €153.4 miljun jew 7.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena, il-Valur Miżjud Gross żdied b’€124.2 miljun meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena li għaddiet. Dan kien iġġenerat mill-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnud; it-tiswijiet tal-vettur; it-trasportazzjon u l-ħażna; l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel. Dan tal-aħħar żdied b’€28.4 miljun jew 8%. Żidiet oħra kienu rreġistrati f’attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, fost l-oħrajn. Kien hemm tnaqqis marġinali fis-settur tal-kostruzzjoni.
B’reazzjoni għal dan il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna stqarr li l-informazzjoni ppubblikata llum turi kif dan il-Gvern laħaq waħda mill-miri ewlenin tiegħu, jiġifieri ż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir ta’ Malta.
Fi kliem il-Ministru dan kien riżultat ta’ diversi miżuri meħuda fl-aħħar tliet snin, inkluż miżuri biex tikber il-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol u oħrajn biex jiġi attirat investiment barrani billi nħolqot stabbilità ekonomika u fiskali.