Il-midja indipendenti kompliet tinnota t-tmexxija dgħajfa u inkonsistenti ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt, fil-gazzetta tal-Ħadd fis-sezzjoni tal-analiżi, The Malta Independent bl-aktar mod ċar iddeskriviet lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech bħala wieħed maqsum u mhux wieħed li tafdah.
ll-Malta Independent qalet li minkejja li fl-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista biddel żewġ Kapijiet, xorta waħda falla milli jġedded lilu nnifsu, filwaqt li l-istess nies li ġew sfiduċjati fl-elezzjoni tal-elfejn u tlettax, għadhom iħufu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, wieħed mill-edituri tal-gazzetta Stephen Calleja nnota li l-Partit Nazzjonalista tal-lum ma jiġbidx il-fiduċja tan-nies.
Dan għaliex fi kliemu l-Partit Nazzjonalista għadu jħaddan il-politika tal-passat u mhux jifhem ir-realtajiet tal-lum.
L-Independent qalet kif il-poplu Malti u Għawdxi pprefera bil-qawwi jagħżel il-Partit Laburista milli l-Partit Nazzjonalista, li fih hemm tirrenja l-firda, in-nuqqas ta’ kredibilità u l-inkonsistenza.
Fost l-oħrajn, il-gazzetta tal-Ħadd tirreferi wkoll għat-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela li ġiet deskritta bħala ferm aħjar minn dik tal-Opożizzjoni.
Apparti l-gazzetta Independent, il-KullĦadd nnutat it-taħwid fit-tmexxija ta’ Bernard Grech, hekk kif ġie rappurtat li fid-Dar Ċentrali hemm min qed jgħid li l-Kap Nazzjonalista “reġa’ għaffiġha”.
Din id-darba il-gazzetta qed tirreferi għad-dikjarazzjonijiet negattivi li Grech kien għamel dwar l-għajnuna li Gvern Laburista ta lill-familji u ħaddiema f’pandemija, fejn kien sejħilha bħala “tberbiq” u “ħela”.
Il-gazzetta KullĦadd innutat l-politika inkonsistenti ta’ Bernard Grech hekk kif issa bela’ kliemu u qed jitkellem favur l-estensjoni tal-wage supplement.
Il-KullĦadd qalet li ta’ min ifakkar li permezz tal-wage supplement, li għal Grech kienet tberbiq ta’ flus, ġew salvati bosta mpjiegi u negozji.
Il-KullĦadd tikteb kif hija nfurmata li wara l-aħħar dikjarazzjoni tiegħu, il-Kap tal-PN baqa’ jitlef il-kredibbiltà, din id-darba f’“daru” stess.
Hawnhekk il-gazzetta kompliet tgħid li waqt li Bernard Grech kompla jqajjem iżjed dubji fuq it-tmexxija tiegħu, sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali saħqu mal-gazzetta li fil-kuriduri tad-Dar Ċentrali qed jinstema’ diskors li l-partit mhux kapaċi jagħmel waħda tajba u l-Kap sar ċajta u qed iqabbluh mal-Kenwood fil-kċina.