Il-gazzetti tal-Ħadd innutaw l-aġir tal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna fil-konfront ta’ Dun David Muscat, li se jitressaq il-Qorti fuq diskors ta’ mibegħda.
Fil-faċċata tagħha, bit-titlu ‘Il-Knisja “bl-ingwanti tal-bellus” ma’ Dun Muscat’, il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li s-saċerdot Mosti kien diġà mwissi serjament sentejn ilu u fuq l-aħħar kumment li għamel messu twaqqaf milli jkompli jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu, li qed jagħmel ħsara kbira lill-Knisja.
“Daqqa fuq il-pala tal-id, meta jitqies li Fr David Muscat kien diġà mwissi sentejn ilu fuq kliem ieħor ta’ mibegħda”, saħaq is-sors tal-KullĦadd, li ddeskriva l-azzjoni ta’ twissija mill-Kurja bħala ftit wisq imqabbla mal-fatt li nbdew proċeduri kriminali kontra l-qassis.
Min-naħa tagħha, il-gazzetta t-Torċa tkellmet ma’ membru tal-Kleru, li sostna li ilhom isiru żbalji fuq is-sitwazzjoni ta’ Dun Muscat għaliex fost l-oħrajn, il-Kurja m’aġġixxietx b’mod immedjat aktar qabel.
Il-membru tal-Kleru li tkellem bil-kundizzjoni tal-anonimità staqsa kif il-qassis David Muscat tħalla jaffilja ruħu ma’ partit politiku estrem, bħal dak ta’ Norman Lowell.
Dan filwaqt li editorjal ta’ The Malta Independent on Sunday innota kif il-Maltin stennew lill-Arċisqof ikun iżjed iebes ma’ Dun Muscat.
Dan wara li l-Arċisqof wissa lis-saċerdot u ordnalu jneħħi l-kumment li fih qal li jekk xi ħadd ikun omosesswali, ikun agħar minn meta persuna tkun imxajtna.
Fr Muscat qal dan b’rabta mal-omiċidju li ħasad lill-pajjiżna fit-tieni jum tas-sena l-ġdida, fejn inqatlet il-Pollakka, Paulina Dembska.
Muscat, li huwa qassis kontroversjali qal li jekk is-suspettat ta’ dan il-qtil makabru huwa omossesswali jew bisesswali, din tkompli żżid mad-diżordni ta’ din il-persuna.
Huwa qabbel dan bħal meta wieħed ikollu l-pressjoni għolja, iz-zokkor u kanċer f’daqqa.
Dun David Muscat qal kif din il-persuna teħtieġ li jkollha l-għajnuna, hekk kif il-possessjoni hija l-inqas gravi, iżda li tkun omossesswali jew kif sejħilha hu “gayyagni” hija agħar.
Quddiem dan kollu u l-aġir tal-Arċisqof Scicluna, l-editur tal-Independent, bit-titlu ‘When priests preaches hate’ innota wkoll li Monsinjur Scicluna qed jimxi b’kejl differenti għaliex fil-każ ta’ Patri Mark Montebello, dan ġie ċċensurat milli jikteb fil-gazzetti wara li kritika l-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-IVF.
Anki jekk fil-fatt Patri Mark huwa parti minn ordni reliġjuża u allura l-Arċisqof m’għandux ġurisdizzjoni, kien hemm rapporti li seta’ kien hemm pressjoni mill-Kurja tal-Arċisqof fuq il-Provinċjal tal-Ordni Dumnikana biex Patri Mark Montebello jlaqqatha b’mod iebes u saħansitra mhedded li jitneżża’ minn Patri.
Il-Ħamis ONE News żvela li Dun David Muscat ġie msejjaħ id-Depot biex jiġi interrogat fuq diskors ta’ mibegħda.
Nies li tkellmu ma’ ONE News qalu li raw lis-saċerdot joħroġ mid-Depot u jaqsam faċċata lejn il-Kurja fejn nifhmu li kellu laqgħa mal-Arċisqof.
Dakinhar filgħaxija imbagħad, il-Kurja tal-Arċisqof ħarġet stqarrija tgħid bit-twissija li tat lil Fr Muscat, wara li għamlet sigħat ma tweġibx għal mistoqsijiet mibgħuta minn ONE News lill-Arċisqof ta’ Malta.