“Diskors ftit jew wisq diżappuntanti, fis-sens illi ma eċitax u ma ispirax lill-mases.”
Hekk stqarr l-editorjal tal-gazzetta ‘ILLUM’ dwar id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’replika għall-budget.
Fid-dawl tal-ewwel jiem tat-tmexxija ta’ Bernard Grech tal-Partit Nazzjonalista, l-editur tal-gazzetta Albert Gauci Cunningham innota kif il-preżentazzjoni tad-diskors kellha ħafna nuqqasijiet li Grech hemm bżonn li jaħdem fuqhom.
Saħaq li l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel Grech hija li ma jilludix ruħu li dan kien xi diskors brillanti u li fi kliemu ix-xilep qiegħed ġewwa.
L-editorjal ikompli jinnota kif filwaqt li jidher li l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti qegħdin warajh, Grech issa jrid jara li jimbotta nies li jattiraw lin-nies u li verament jagħmlu l-Partit Nazzjonalista, Gvern alternattiv.
Żied li Grech għandu jimbotta uċuh żagħżugħa u friski, fid-dawl li huwa mdawwar b’nies li kienu parti integrali mill-Gvern Nazzjonalista li l-poplu warrab fl-2013.
Filfatt, l-editorjal jinnota li jekk vera Grech irid juri li “mhuwiex magħmul mill-istess pezza drapp ta’ nies arroganti li ġabu lill-Partit Nazzjonalista fejn huwa llum, dan id-diskors jista’ jkun biss esperjenza ta’ tagħlim għalih” u xejn iktar.
F’editorjal biswit karikatura ta’ omm li se taqra d-diskors ta’ Bernard Grech biex traqqad lil binha. l-editur tal-Illum jispjega kif il-viżjoni ta’ Grech trid tkun waħda iktar ċara u li tagħmel differenza u tqajjem diskussjoni.
Intant, f’artiklu fuq il-gazzetta ‘Maltatoday’ l-eks ministru Nazzjonalista Michael Falzon stqarr li d-diskors ta’ Bernard Grech kien mimli b’retorika ta’ żmien Eddie Fenech Adami.
L-istess qal għall-viżjoni li ppreżenta Grech, li fi kliemu ma fiha xejn ġdid u stqarr li din hija l-istess viżjoni li mmotivat lill-Partit Nazzjonalista fi żmien bikri taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami. Dan bid-differenza li dak iż-żmien din l-istess viżjoni kienet ingħatat laqta’ sensibbli u preżentabbli filwaqt li Bernard Grech ħalla kollox fl-ajru.
Fl-artiklu tiegħu Falzon kompla jinnota kif sabiex dan id-diskors jaqilbu f’miżuri konkreti li jispiraw il-fiduċja tan-nies, fadal ħafna xi jsir u Bernard Grech għandu bżonn l-għajnuna ta’ iktar persuni, mhux biss dawk li kitbulu d-diskors.