Il-kriżi politika fil-Partit Nazzjonalista reġgħet iddominat għal ġimgħa oħra fil-gazzetti tal-Ħadd.
Fil-gazzetta Illum, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo esprima l-apatija u d-dwejjaq li hemm bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.
Ivan Bartolo jsemmi l-firda u jikteb, “Bosta bnedmin hemm barra sfortunatament qegħdin jaraw tmiem impenġi. Ma jridux ikunu parti minn sistema maqsuma bi klikek ifferoċċjati u mejtin bil-għatx għal poter”.
Bartolo jżid jgħid li dan l-istil ta’ politika jħalli lil bnedmin ġenwini joħorġu mid-Dar Ċentrali b’qalbhom vojta aktar minn qabel daħlu hemm.
Jgħid li d-Dar Ċentrali tispiċċa bħal dar sabiħa imma vojta, bi ġnien sabiħ mimli siġar mejtin, bi frott qares u ta’ dwejjaq.
Fil-gazzetta Illum f’artiklu bit-titlu ‘Rari daqs pitirros’, Bartolo jżid jgħid ukoll, “F’din l-istil ta’ politika, sħabek tarahom joffrulek il-frott minn din is-siġra li tħalilek togħma morra, li twasslek għal mewt, li twasslek biex tibda tobgħod il-politika.”
Intant gazzetti oħra komplew jesponu l-qasmiet fil-partit immexxi minn Bernard Grech.
“The PN continues to sit on the fence on many issues”, qalet is-Sunday Times f’editorjal ippubblikat fl-istess ġimgħa li ħareġ li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech baqgħet bla pożizzjoni fuq il-liġi proposta għall-użu responsabbli tal-kannabis.
Għal din ir-riforma ppubblikata fuq White Paper tal-Gvern miftuħa għall-konsultazzjoni daħlu mat-tliet mija u ħamsin sottomissjoni, fost oħrajn minn partiti politiċi u għaqdiet mhux governattivi, iżda l-Partit Nazzjonalista ma ressaqx il-fehmiet tiegħu.
Fis-Sunday Times imbagħad kien hemm aktar dwar il-qasma u l-firda li għadha teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Michela Spiteri kitbet fit-Times dwar il-kriżi t’identità li għandu l-Partit Nazzjonalista.
“Darba l-Partit Nazzjonalista kien jintgħaraf, il-Kap kien jinfluwenza lin-nies u l-partit kien f’tim, b’referenza ċara li dan kollu llum ma jeżistiex”, qalet Spiteri.
Michela Spiteri kompliet tikteb dwar iż-żewġ fazzjonijiet li ħonqu l-Partit Nazzjonalista u tgħidilhom tim Delia u tim Busuttil/Azzopardi.
Spiteri tat ħarsa lura lejn l-istorja riċenti tal-Partit Nazzjonalista u semmiet kif bil-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap fl-2017 setta kontra oħra qasmet lil xulxin.
Semmiet kif tar-Repubblika u tal-Occupy Justice spiċċaw ikunu huma l-vuċi li tiddetta x’jiġri fil-Partit Nazzjonalista u tgħid li l-partit ta’ Bernard Grech inħataf.