Kważi l-gazzetti kollha li ġew ippubblikati għal jum tat-Tlieta rrappurtaw b’mod pożittiv ħafna l-budget imressaq mill-Gvern għall-elfejn u wieħed u għoxrin.
Il-gazzetti indipendenti fissru dan il-budget bħala rkupru ekonomiku mill-pandemija filwaqt li elenkaw il-miżuri l-aktar li jolqtu l-poplu Malti; fosthom: iż-żieda fil-pensjonijiet, il-ħruġ mill-ġdid tal-vouchers tal-mitt ewro, żieda fiċ-children’s allowance u budget ieħor mingħajr taxxi ġodda.
Għajr il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon, il-gazzetti kollha nnutaw l-istimulu ekonomiku li ta l-Gvern bil-budget.
L-editorjali fil-gazzetti indipendenti wkoll elenkaw kif il-budget 2021 huwa pjan tajjeb biex l-ekonomaija ta’ pajjiżna tirkupra f’qasir żmien mill-pandemija li laqtet id-dinja kollha. L-editorjal tal-Malta Independent bit-titlu ‘A sound plan for the Covid-19 era’ saħansitra jgħid “The financial plan announced by Finance Minister Edward Scicluna yesterday hit a lot of right notes for what is required in the Covid-19 era” L-editorjal semma wkoll kif Malta, ekonomikament tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea u li għalhekk l-Gvern felaħ jkompli jżid fuq il-miżuri soċjali li kienu tħabbru fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika f’Ġunju li għadda.
L-editorjal tal-MaltaToday, bit-titlu ‘A wartime budget’ fisser kif dan il-budget għandu jkun biżżejjed biex jgħolli l-moral tal-poplu Malti biex tiġi xprunata ekonomija stimulata permezz tal-fiduċja tal-konsumatur lokali.
L-editorjal qabbel dan iż-żmien ta’ pandemija ma’ dak ta’ żmien il-gwerra, u li għalhekk dawn il-miżuri huma stimolu tajjeb b’injezzjoni ta’ mitt miljun ewro fil-bwiet tal-familji, pensjonanti u dawk bi dħul baxx fost oħrajn.
L-editorjal innota l-bżonn għall-bilanċ bejn id-dejn u l-prodott domestiku gross.
L-istess sentiment kien fl-editorjal tat-Times fejn elenka n-numru ta’ miżuri mħabbra fil-budget it-Tnejn filgħaxija, filwaqt li semma kif il-mod li bih il-Gvern qed jindirizza l-isfidi tal-pandemija se juri l-kapaċitajiet tal-istess Gvern biex jreġġa’ l-ekonomija għan-normal.
L-editorjal bit-titlu ‘Budgetary push for the economy’ jgħid ‘Pre- and post-COVID-19 challenges to the country’s economic model will present the ultimate test of the government’s ability to lead the country back to normality.’
L-Orizzont ta’ ħarsa lejn in-nefqa tal-Gvern u fisser kif dan huwa budget b’ruħ soċjali. Il-ġurnal ta’ ħarsa wkoll lejn in-nefqa tal-Gvern ikkumparata mal-ġid nazzjonali, li hija ta’ 59%, fost l-inqas rata ta’ nfiq meta mqabbel mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-editorjal tal-Orizzont qal li dan il-budget qed iħares ‘il quddiem, saħansitra għal wara l-pandemija.
Intant għal kuntrarju tal-gazzetti kollha li ġew ippubblikati fil-jum tat-Tlieta, in-Nazzjon wasslet il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni li skont hu dan kien budget bla direzzjoni.
In-negattività kompliet fil-konfront tal-Gvern billi quddiem bosta miżuri soċjali fosthom żieda oħra fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance, l-editorjal tan-Nazzjon semma li l-budget ippreżentat it-Tnejn kien bla idea minn gvern għajjien.