Il-Ħadd filgħodu numru ta’ gazzetti f’pajjiżna, innutaw l-ipokrezija tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.
Dan wara stqarrija li kiteb fuq Facebook fejn uża artiklu minn gazzetta barranija sabiex ipenġi stampa ħażina ta’ pajjiżna.
Bdiet billi nnutat propju dan il-gazzetta MaltaToday li anke fit-titlu tagħha tinnota l-ipokrezija tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista.
Il-MaltaToday tgħid kif Gonzi, uża artiklu ta’ kwalità ħażina minn The Sun, biex ipenġi stampa ta’ ħażina ta’ pajjiżna, madankollu fl-istess ħin isasqqsi jekk huwiex konxju ta’ dak li żera fi żmienu bħala Prim Ministru.
Fil-fatt, il-MaltaToday tgħid li dawk li rrefera għalihom l-artiklu ta’ The Sun u li ġibdu l-għadab ta’ Gonzi, jiġifieri stabbilimenti partikolari, il-kunċert tal-Isle of MTV u turisti li jiġu b’titjiriet irħas, kollha saru taħt it-tmexxija tiegħu stess.
Dwar il-kritika ta’ Gonzi għall-qasam turistiku ta’ pajjiżna, il-MaltaToday tirrimarka wkoll kif kienet taħt l-amministrazzjoni tiegħu li linji tal-ajru low-cost bħar-Ryanair bdew jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżna. Dan grazzi għal sussidji pereżemju fuq l-hekk imsejħa landing fees, fost oħrajn.
Dan filwaqt li kien taħt Lawrence Gonzi li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ddeċidiet li ma tibqax tiffoka li tattira turisti brittanniċi ta’ età aktar kbira u minflok titfa’ ħarsitha fuq demografija iżgħar ta’ turisti.
Hekk kif l-artiklu ta’ The Sun, li jsemmi Gonzi, jsemmi wkoll il-kunċert tal-Isle of MTV, li ta’ kull sena jiġbed eluf kbar ta’ persuni fuq il-fosos tal-Furjana sabiex igawdu lejla mill-isbaħ ta’ mużika minn artisti ta’ fama internazzjonali, il-MaltaToday tfakkar fl-istedina ta’ Mario de Marco fil-Kabinett ta’ Gonzi nnifsu, biex in-nies jattendu għal dan il-kunċert.
Intant, il-gazzetta Kullħadd, tiffoka fuq kif fl-istess stqarrija, l-Eks Prim Ministru Nazzjonalista jiftaħ attakk fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku Soċjali, l-MCESD u jsejjaħlu “bla sugu u ta’ ebda ġid.”
Il-Kullħadd tgħid kif din l-istess retorika, ironikament, kien użaha wkoll l-Eks Ministru fil-Kabinett tiegħu stess, Austin Gatt, meta fl-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista kien irrefera għal dan l-ogħla forum rappreżentattiv fil-pajjiż bħala xi ħanut tal-kafè fejn kulħadd jista’ jgħid li jrid bla ma joħroġ xejn minnu.
Fil-fatt, kien iddeskriva lill-MCESD bħala “tat-titotla.”
B’reazzjoni għall-argumenti fallaċi ta’ Gonzi fuq Facebook, ukoll ikkummentalu Natalino Fenech, li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kien tqabbad bħala Editur ta’ TVM meta l-imparzjalità vera fix-xandir nazzjonali kienet tiġi enfasizzata regolarment. Fenech ikkummentalu li “trid tara min qed imexxi l-MCESD għandux aspirazzjonijiet politiċi u ma jridx iqanqal ħama”.
Iżda ftit wara wieġbu l-Eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono li akkużah bil-ħsara li għamel hu. “Natalino Fenech trid tara l-ħsara li għamilt int. Dr Gonzi jaf. Serraħ rasek. Dr Gonzi jaf x’għamilt int. Ebda nuqqasijiet tal-Labour mhu se jnessu l-ħdura tiegħek,” kiteb l-Avukat, li kien protagonist fir-ribelljoni fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Kliem Gonzi wkoll jidwi f’diversi dikjarazzjonijiet li jsiru minn esponenti oħrajn tal-fazzjoni tal-establishment Nazzjonalista, li Gonzi jagħmel parti integrali minnha. Minbarra l-ostakli kollha li kontinwament joħolqu lokalment u anke barra kontra l-iżvilupp ta’ pajjiżna, fl-aħħar jiem il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ħambaq fuq programm tan-NET kif jiddispjaċih li l-Unjoni Ewropea mhix qed tagħmel pressjonijiet fuq Malta.
“Irrid ngħid li jien m’iniex kuntent anke bil-pressjoni li suppost kellha titfa’ l-Unjoni Ewropea fuq pajjiżna.”