Dalgħodu l-gazzetti laqgħu b’mod pożittiv l-ewwel Budget ta’ din il-leġiżlatura mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela.
Fost dawn kien hemm il-gazzetta Times of Malta, li l-editorjal tagħha rrimarka dan huwa Budget soċjalment b’saħħtu fi żminijiet diffiċli.
Fil-fatt, l-editorjal tat-Times beda billi rrimarka dwar l-allokazzjoni ta’ aktar minn €600 miljun għal aktar stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija s-sena li ġejja.
Hawn it-Times qalet li, b’din id-deċiżjoni l-Gvern salva familji u negozji minn problemi finanzjarji kbar.
“The Government has potentially rescued families and businesses from financial ruin.”
It-Times faħħret ukoll numru ta’ miżuri soċjali tal-gvern Laburista, fosthom iż-żidiet fil-pensjonijiet u t-tieni mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja għal dawk l-aktar vulnerabbli, li se jibbenefikaw minnu mat-80,000 individwu.
“The extra payment to be made to 80,000 low-income persons is adequate”
L-editur tat-Times jirrimarka wkoll it-tbassir tal-Budget għas-sena d-dieħla f’dak li għandu x’jaqsam it-tkabbir ekonomiku. Huwa jirrimarka li, jekk il-miri jintlaħqu, pajjiżna jkun mar ħafna aħjar minn pajjiżi Ewropej oħra f’dik li għandu x’jaqsam mhux biss mal-inflazzjoni iżda wkoll mal-hekk imsejħa ‘stagflation’ – meta mhux biss ikun hemm inflazzjoni iżda wkoll nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku.
“If the budgetary predictions are achieved by the end of next year, the country will have fared better than most other European countries struggling against stagflation.”
L-editur ta’ The Malta Independent ukoll faħħar id-deċiżjoni tal-Gvern li jissussidja, għas-sena li ġejja kollha, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Fi kliemu, kieku dan ma ġarax, dawn iż-żidiet kienu jħallsuhom in-nies minn buthom.
“It’s a lot, but if this money was not spent, then the people would be directly paying the increases out of their pockets.”
Huwa jinnota b’sodisfazzjon ukoll iż-żidiet fl-istipendji b’€50, iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa li se jibbenefikaw minn kwart ta’ miljun persuna f’pajjiżna u ż-żieda ta’ €4,000 fl-għotja għall-ġenituri li jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom adulti b’diżabilità severa, u b’hekk ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol.
Anki l-gazzetta L-Orizzont laqgħet b’sodisfazzjon dak imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla. Fl-editorjal tagħha jiġi nnutat, fost l-oħrajn, kif filwaqt li pajjiżi fil-kontinent Ewropew qed jitħabtu mal-kriżi fiż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, pajjiżna jinsab għaddej minn realtà ferm differenti.
L-editur isostni li l-awsterità m’hijiex parti mill-politika ta’ dan il-Gvern filwaqt li l-Budget li tressaq it-Tnejn filgħaxija kompla ma’ oħrajn b’saħħithom qablu.
“Il-Budget li tressaq ilbieraħ kompla fuq budgets preċedenti billi reġa’ kien wieħed li ma nkluda ebda piżijiet ġodda la fuq in-negozji u wisq inqas fuq il-poplu.”
Għalhekk, dan kien Budget sostenibbli li mhu se jħalli lil ħadd jaqa’ lura.
“budget sostenibbli, li jaħseb f’kulħadd, u li mhu se jħalli lil ħadd jaqa’ lura.”
Intant, min naħa l-oħra, il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista In-Nazzjon kompliet fejn ħalla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-ewwel reazzjoni tiegħu ftit wara li tħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Għall-kuntrarju ta’ numru kbir ta’ sħab soċjali, li laqgħu tajjeb b’saħħa d-deċiżjoni tal-Gvern li jalloka aktar minn €600 miljun biex jilqa’ għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fl-2023, in-Nazzjon tgħid li l-Gvern ipprova jaljena lill-poplu mill-isplużjoni tal-għoli tal-ħajja.
Dan filwaqt li qal li l-għajnuna mill-Gvern dejjem qed tonqos. Minkejja ż-żieda fil-pensjonijiet u ħemel ta’ għajnuniet soċjali, l-editur tan-Nazzjon qal ukoll li dan kien “Budget ta’ paroli” u li “huwa nieqes minn kull forma ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja.”