L-editorjali tal-gazzetti kellhom kliem ta’ tifħir għal politika li ġiet mħabbra ftit tal-jiem ilu, dik tal-Malta Labour Migration Policy, li se tindirizza t-tħassib dwar il-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Politika, li għandha għan ewlieni wieħed, dik li tirranġa l-mod ta’ kif ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu jaħdmu f’pajjiżna.
L-editorjali tal-gazzetta Illum, fil-fatt innota dan u sejjaħlu pass tajjeb.
Bit-titlu “Kif għandhom isiru l-affarjiet”, l-editorjal irrimarka li dan huwa l-mod ta’ kif għanda ssir il-politika – b’mod studjat li jagħti l-istampa reali kollha. L-istess għamel l-editorjal tal-Malta Today, li qal li l-għan ewlieni ta’ 32 rakkomodazzjonijiet huwa li jipprovdi stabbiltà fis-soċjetà Maltija.
L-editorjal ta’ din il-gazzetta spjegat li l-politika li ġiet ippreżentata tħeġġeġ iż-żamma tal-impjegati, tippenalizza lill-kumpaniji li ma jagħmlux biżżejjed biex iżommu ħaddiema barranin mhux tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li anke ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema.
Barra minn hekk, il-gazzetta Malta Today tagħmel enfasi kif din il-politika tara li tillimita n-numru ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-istess politika tagħmel eċċezzjonijiet speċifiċi għas-settur tas-saħħa.
L-editorjal tal-Illum faħħar dan il-pass li għamel il-Gvern fejn saħansitra qal li għamel sew li ma qagħadx idur mal-lewża u jipprova jkun popolist u jgħid li mhu ġej ħadd iktar jew se jkeċċi lil kull min hawn.
L-istess għamel l-editorjal tal-Malta Today, li qal il-Gvern se jġib kontroll permezz ta’ din ir-riforma, biex fuq naħa jiġu assigurati d-drittijiet tal-ħaddiema, waqt li jiġu bbilanċjati l-bżonnijiet tas-soċjetà mat-talbiet min-negozji lokali.
L-editorjal tal-Illum anke faħħar il-proċess sabiex din il-politika tiġi spjegata bl-aħjar mod. Diskussjoni, li fi kliem l-editorjal sejjaħlu bħala “Miftuħ, matur u trasparenti.”
Filwaqt li nnota li hemm punti li wieħed jista’ jaqbel – fosthom fuq il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin u d-drittijiet tal-ħaddiema, l-editorjal qal li hemm punti li wieħed jista’ jitkellem dwarhom fil-konsultazzjoni pubblika.
L-editorjal tal-Malta Today temm jgħid li din ir-rifroma jisħoqqilha ċans li tipprovdi l-effettività tagħha, iżda l-Gvern irid ikun sod ukoll fir-rieda tiegħu li jimplimentaha bis-sħiħ.