“Insistew li l-vot jittieħed b’mod sigriet għax ħafna minnhom m’għandhomx il-kuraġġ li jqumu u jgħidu x’jaħsbu.”
Hekk iddikjara l-editorjal tal-gazzetta The Malta Independant b’reazzjoni għall-iżviluppi politiċi u l-kriżi fil-Partit Nazzjonalista.
L-editorjal sostna li d-19-il Deputat Parlamentari li sfiduċjaw lil Adrian Delia fis-satra tal-lejl waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari t-Tlieta filgħaxija m’għamlu xejn ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista għaliex ma ppreżentawx soluzzjoni.
Minflok bl-azzjonijiet tagħhom komplew jesponu fil-beraħ il-qasma fonda li hemm fil-Partit f’Tal-Pietà.
Filwaqt li l-istess editorjal kritika wkoll l-ebusija ta’ ras Adrian Delia li wkoll għażel jinjora vot demokratiku l-editorjal temm jgħid li kollettivament iż-żewġ fazzjonijiet xekklu l-pajjiż milli jkollu Oppożizzjoni b’saħħitha.
Mhux tal-istess fehma kienet ittra lill-editur minn Kevin Cassar fil-gazzetta The Times.
Cassar li jiġi mill-qrib tal-familja tal-Eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, staqsa għaliex Delia qed jibqa’ jwebbes rasu wara li ġie sfiduċjat mill-maġġoranza tad-deputati tiegħu stess.
Fl-ittra tiegħu Cassar attakka lil Delia dwar id-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ fit-tmun tal-Partit u atribwixxa raġunijiet personali li setgħu mmotivaw din id-deċiżjoni.
Intant fuq in-Nazzjon, Angelo Micallef kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-pajjiż jistħoqqlu Oppożizzjoni li hija ħielsa minn kull xamma ta’ dubju li l-politiku tiegħu hija maħmuġa u m’għandu jkollu ebda rokna fejn jinħeba.
Micallef kellu kliem iebes ukoll għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista hekk kif kritika l-attitudni ta’ “business as usual” f’ġimgħa ta’ dieqa kbira u mill-aktar kerha fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.