Il-Ħadd il-gazzetti ewlenin f’pajjiżna nnutaw it-tmexxija dgħajfa ta’ Bernard Grech.
Dan b’reazzjoni għall-aħħar żviluppi xokkanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li kkonfermaw kemm l-istampa tal-għaqda li jipprova jpinġi Bernard Grech ma hija xejn ħlief illużjoni.
Il-MaltaToday, li mexxiet bi stħarriġ li juri kif il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista komplew iżidu fil-fiduċja, innutat bi prominenza l-aħħar żviluppi f’Tal-Pietà.
Fuq il-paġna ta’ quddiem il-gazzetta rrimarkat il-mod ħażin ta’ kif mexxa l-Kap fl-aħħar ġimgħa quddiem aktar diżgwid bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi.
Filwaqt li l-artiklu minn sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jikkonferma kif Bernard Grech tilef il-kontroll taż-żewġ fazzjonijiet, l-istess sorsi jgħidu li d-deputati tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil kienu se jmorru kontra Bernard Grech li kieku ried ikeċċi lil Jason Azzopardi.
F’paġna tlieta tal-istess gazzetta f’analiżi dettaljata, il-MaltaToday saħansitra tistaqsi wkoll dwar il-validità tat-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Tal-istess fehma kien l-Opinjonista Raphael Vassallo, hekk kif innota li ladarba Jason Azzopardi rtira l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Kap, li kienu kruċjali sabiex jitqaċċat Adrian Delia, allura din ma kienx hemm bżonnha mill-bidu u b’hekk Bernard Grech ma kienx ikun Kap.
Intant l-editorjal u l-opinjonisti tal-istess gazzetta nnutaw kif it-tmexxija ta’ Bernard Grech fl-aħħar ġimgħa, qajmet mistoqsijiet serji dwar il-ħiliet ta’ tmexxija li jipposjedi.
Id-Direttur Maniġerjali tal-MediaToday, Saviour Balzan jikkiritika wkoll nies mdawrin ma’ Bernard Grech bħal Francis Zammit Dimech u ż-żewġ viċi Kapijiet Nazzjonalisti.
L-editorjal tal-gazzetta The Times ukoll jinnota kif taħt Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista qed jibża’ jinbidel. Dan filwaqt li jgħid kif “Grech continues to wade in a swamp of indecision.”
Il-gazzetta l-Illum ukoll irrappurtat bi prominenza l-iżbalji ta’ Bernard Grech fl-aħħar ġimgħa. L-editorjal jirrimarka kif minkejja li l-Partit Nazzjonalista bidel il-kapijiet tiegħu xorta waħda “baqa’ fejn kien – mifrud u mhux relevanti.”
Intant artiklu ieħor fl-istess gazzetta, innota wkoll il-pressjoni ta’ esponenti ewlenin tal-establishment fosthom Manuel Delia u kif kompla jiddefendi b’qilla lil Jason Azzopardi u jniggeż lill-Kap.
Il-gazzetta Kullħadd innutat ukoll l-unika deċiżjoni li ħa Bernard Grech quddiem dawn l-iżviluppi. Dik li jsejjaħ laqgħa tal-eżekuttiv u li madankollu spiċċa kellu jħassarha. Il-gazzetta tikkwota wkoll reazzjonijiet ta’ edituri ta’ gazzetti oħrajn dwar il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista u tinnota kif Bernard Grech qalaha miż-żewġ fazzjonijiet fil-partit fejn il-firda għadha ssaltan.