Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista n-Nazzjon attakka lill-eks Prim Ministru Laburista, il-Perit Dom Mintoff għax fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu sab qassis biex jamministra l-griżma tal-morda.
Artiklu miktub mill-eks Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-Floriana Edward Torpiano attakka lil Mintoff f’artiklu li kien ukoll mimli attakki fuq il-qassis Fr Colin Apap.
Torpiano, li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li kkontesta ma nġabarx, semma l-interdett u qal li Mintoff xewwex kontra l-Knisja Kattolika u qal lil-Laburisti biex imutu bl-interdett fuqhom bħala suldati tal-azzar.
Imbagħad żied jgħid Torpiano, li Mintoff fl-aħħar minuti ta’ ħajtu beda jibki biex isib qassis.
Dan it-tip ta’ lingwaġġ fuq l-aħħar mumenti tal-eks Mexxej Laburista sabu l-ispazju fuq il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista.
Mintoff miet fl-20 t’Awwissu 2012, ftit wara li kien għadu kif għalaq 96 sena.
Fi żmien l-interdett mietu bosta Laburisti li spiċċaw indifnu f’dik li kienu jsejħulha l-“miżbla” wara li l-Knisja Maltija ta’ dak iż-żmien kien imponiet id-dnub il-mejjet lil kull min jappoġġja lil Partit Laburista.