Il-gazzetta Maltatoday, fl-editorjal tagħha fil-ħarġa tal-Erbgħa, ikkritikat bl-aħrax id-direttivi li qed timponi l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, kontra l-ftehim tal-Gvern ma’ sptarijiet privati biex jittaffa l-piż ta’ każi ta’ emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Il-Maltatoday tenniet, bla tlaqliq, li l-ordni lit-tobba biex ma jittrasferux pazjenti fl-isptarijiet privati lejliet li kienu se tibda l-miżura hi inspjegabbli u anke irresponsabbli mill-assoċjazzjoni mmexxija minn Martin Balzan.
Dan hekk kif, l-editorjal kompla li tali ftehim hu tant meħtieġ, aktar u aktar, meta ninsabu fl-istaġun tal-influwenza u għalhekk il-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa hu naturali li tiżdied mhux ħażin.
Fil-fatt, kif irrapportat fl-aħħar jiem, pajjiżi bħar-Renju Unit qed jiffaċċjaw kriżi medika minħabba n-nuqqas ta’ sodod u infermieri li jiġu ngaġġati speċifikament biex jikkuraw il-pazjenti fil-kurituri jew il-parkeġġi tagħhom.
Il-Maltatoday temmet tgħid li l-MAM għandha twaqqaf minnufih dawn id-direttivi għall-ġid tal-pazjenti.
Din il-kundanna tiżdied ma’ dik tal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, li t-Tlieta qalet li l-outsourcing lil sptarijiet privati hi għażla tajba.