Fl-2023 pajjiżna ra żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet għal permess li jippermetti persuni li qed ifittxu li jaħdmu b’mod remot minn pajjiżi ’l bogħod minn fejn tkun topera l-kumpanija jew negozju impjegati magħhom – l-hekk imsejħin nomadi diġitali.
Dan tħabbar fil-gazzetta Kullħadd fejn mal-Aġenzija Residenza Malta ġie kkonfermat li n-numri qed jiżdiedu sena b’sena minn meta bdiet din l-opportunita f’pajjiżna f’Ġunju tal-2021.
Fil-fatt minn statistika li ħarġet f’dan ir-rigward juri kif kull sena l-applikazzjonijiet qed jiżdiedu b’aktar mid-doppju hekk kif minn Ġunju sa Diċembru 2021 imtlew mija u tlieta u sittin applikazzjoni. Imbagħad fl-2022 imtlew kważi ħames mitt applikazzjoni u fl-2023 imtlew elf sebgħa u tletin applikazzjoni.
Minn din l-istatistika joħroġ ukoll kif fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kien hemm ħames mija u tnejn u tmenin applikazzjoni.
Il-Gazzetta Kulħadd spjegat li ħafna minn dawn il-ħaddiema ġejjin minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja, fosthom l-Asja, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, u l-Afrika, u jaħdmu f’oqsma varji bħall-IT, il-marketing, il-bejgħ bl-imnut onlajn u l-edukazzjoni.
L-applikanti huma meħtieġa li jkollhom dħul annwali minimu ta’ €42,000, bl-infiq tagħhom proporzjonat ma’ dan il-livell ta’ dħul.
Intant ftit tal-ġimgħat ilu, is-sit awtorevoli Forbes innota li pajjiżna hu wieħed mill-aħjar tliet destinazzjonijiet għal dawk li qed ifittxu li jgħixu jew jaħdmu b’mod remot f’pajjiż ieħor.
Fuq il-bażi tal-aħjar servizzi li jeżistu fil-pajjiżi rispettivi, partikolarment dawk tas-saħħa u sistemi diġitali, Malta segwiet ġganti bħal Spanja u l-Ġermanja.
L-esperti ta’ Forbes irrapportaw li Malta hi waħda mill-aħjar postijiet fl-Ewropa f’dan il-għan, b’punteġġ ta’ 7.29 minn massimu ta’ 10.
Isemmu kif fl-2023 saru aktar minn 18,600 tfittxija fuq l-internet b’rabta ma’ dan is-servizz f’pajjiżna.