Il-kumpanija Taljana taż-żejt u l-gass, Eni, qalet li llum ġiet informata mill-kumpanija tal-gass tal-istat Russu, Gazprom, li mhux se tkun qed tissuplixxi gass lejn l-Italja mill-pipeline li jgħaddi mill-Awstrija.
L-Italja timporta 10 fil-mija tal-enerġija tagħha mir-Russja; nuqqas ta’ madwar 40 fil-mija meta mqabbel ma’ dak li kienet timporta qabel l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Intant, matul il-jum, in-Norveġja bdiet tissuplixxi l-gass minn pipeline għall-Polonja. Dan ifisser li l-pajjiżi fiċ-ċentru u l-Lvant tal-Ewropa se jkollhom alternattiva għall-enerġija Russa.
Il-Polonja kienet ilha snin tiddependi mill-enerġija mir-Russja, iżda, dan waqaf meta f’April li għadda, il-Polonja rrifjutat li tħallas il-kontijiet tal-gass bil-munita Russa.
Il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Marawiecki, qal li din ir-rabta l-ġdida man-Norveġja mmarkat it-tmiem tad-dominanza u r-rikatt mir-Russja fuq is-suq tal-gass Pollakk. Intant, in-Norveġja żiedet is-sigurtà fil-pipelines tagħha wara li din il-ġimgħa ġew irraportati tnixxijiet minn żewġ pipelines bejn il-Ġermanja u r-Russja, li setgħu kienu riżultat ta’ sabotaġġ.
Ritratt: Maria Tuxen Hedegaard